Mija u ħamsa u tletin persuna, żewġ korijiet, tliet kantanti u grupp ta’ bandisti ser jinterpretaw sittax-il kapitlu f’Oratorju li ser jiżżanżan għall-ewwel darba propju nhar l-erbgħa ta’ Diċembru.
‘Ġużeppi, kieku taf’, hekk jismu l-Oratorju li ser jittella’ fis-sena li l-Papa Fraġisku ddedikaha għal San Ġużepp.
Dan l-istazzjon żar il-Każin ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq sabiex jagħti titwila waqt il-provi tal-Oratorju fejn kien milqugħ minn sinfonija mużikali.
Tellifna ftit lis-Surmast Reno Busuttil li kellimna dwar l-irwol tat-tfajjel ċkejken f’dan l-Oratorju partikolari.
Qal, “Fuq San Ġużepp ftit li xejn nafu bħala knisja. It-tifel li jkun qiegħed hemm jixtieq li kien hemm, għalhekk ‘Ġużeppi kieku taf’. Fil-fatt meta jkanta jgħidlu ‘jien xtaqt kont hemm’, ‘nixtieq nara terfa’ lill-Messija, lill-Feddej’ u imbagħad ‘xtaqt li kont hemm meta ntilef ġot-tempju’ eċċ. Ma nixtieqx niżvela kollox għax inkella ma jifdal xejn li jkun is-sabiħ tiegħu.”
Il-parti taċ-ċkejken fl-Oratorju ser tinħadem minn Gianluca Zammi,t li għad għandu biss tnax-il sena u qalilna li minkejja l-isfida li ġabet magħha l-ewwel esperjenza ma’ banda numeruża, huwa jinsab eċitat.
Qal, “Kienet diffiċli għall-ewwel biex naqbad mal-banda għax l-ewwel kont nagħmilha mal-pjanu allura issa qbadtha mal-banda u issa iktar qbadt mal-banda milli mal-pjanu.”
Din l-esperjenza ma kinitx diffiċli biss għal Gianluca li huwa fost l-iżgħar parteċipanti fl-Oratorju hekk il-bandist Jesmond Manicolo, li huwa mdaħħal aktar fl-età, spjega magħna kemm hu grandjuż dan l-Oratorju.
Spjega, “Fiha daqsxejn voldieri xogħol. Hemm ħafna, jidħol il-kor, jidħlu ħafna strumenti voldieri u twil wisq.”
L-Oratorju ser jittella’ fil-Katidral tal-Imdina u kull min jixtieq jattendi jista’ jagħmel kuntatt mal-Każin ta’ San Ġużepp, f’Ħal Għaxaq.