Il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu kliem ta’ tifħir għal presepju Malti li qed jiġi eżebit fi Pjazza San Pietru. Huwa rringrazzja lil vatikanista Frank Zammit tal-iniżjattiva li ħa filwaqt li spjega li biex din l-idea żvilluppat, Zammit ħadem man-nies li jaħdmu fil-Kultura flimkien mal-Governattiva.
“Għandna teżor turistiku żgħir u sabiħ li qed jagħmel ġieħ lil pajjiżna u qiegħed f’waħda mill-iktar pjazzez frekwentata mit-turisti fid-dinja” fisser il-Prim Ministru. Huwa qal li dan il-presepju juri li meta inizjattiva individwali ssib l-għajnuna twassal għar-riżultati.
Kull sena fil-Vatikan ikun hemm presepju magħmul minn xi reġjun Taljan differenti, iżda din is-sena presepju magħmul propju f’pajjiżna. Dan il-presepju huwa wieħed partikolari għax fih karatteristiċi tipiċi tal-pajsaġġ Malti, inkluż l-arkitettura, il-flora u l-fauna, kif ukoll figuri tradizzjonali tal-presepju.
Fi tmiem-il ġimgħa speċjali għal dawk kollha li ħadmu fuq il-Presepju Malti li jinsab armat fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, hekk kif dan ġie inawgurat f’ċerimonja uffiċjali. Presepju xogħol l-artist Għawdxi Manwel Grech mgħejjun minn skwadra formidabbli, li huwa l-ewwel wieħed fil-Vatikan li sar minn persuni li mhumhiex Taljani.
Lil’hinn mix-xena tan-natività li mdorrijin naraw issoltu, f’dan il-Presepju twil dsatax –il metru mdawwar bi sbatax –il statwa ta’ karattri tipiċi Maltin, jiddomina luzzu – li jirrapreżenta lill-eluf ta’ persuni mġiegħla jitilqu minn pajjiżhom u jirriskjaw ħajjithom billi jaqsmu l-baħar bit-tama għal ħajja aħjar. Kienu tifel Malti u ieħor Taljan li xgħelu flimkien il-presepju, li issa se jibqa’ mixgħul sat-tmienja ta’ Jannar.