Tewmin ta’ 39 sena, li ma jaħdmux, qed jiġu mixlija li heddu lill-ġenituri anzjani tagħhom, għax ma tawhomx flus għad-droga.
L-irġiel tressqu l-Qorti t-Tnejn, fejn wieħed minnhom saħansitra ġie mixli li uża arma biex iwettaq it-theddid. It-tewmin wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom u nżammu arrestati.
Fil-Qorti ntqal kif l-allegat vittmi marru fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika biex jirrapportaw dan l-allegat abbuż. Qalu, fost l-oħrajn, li jekk ma jagħtuhomx flus, uliedhom kienu jkissrulhom oġġetti fl-istess residenza tagħhom.
Missier it-tewmin qal li nefaq aktar minn miljun ewro minħabba dan il-vizzju ta’ wliedu, matul is-snin, hekk kif ġieli saħansitra hedduh li joqtluh.
Wieħed mit-tewmin, ġie mixli wkoll li kkawża grieħi ħfief lil uffiċjal tal-Pulizija. B’hekk il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.