Aħwa tewmin ta’ 39 sena nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati bi vjolenza fuq il-ġenituri tagħhom li huma anzjani.
Din ma kienitx l-ewwel darba li l-aħwa, li huma rġiel, rifsu l-għatba tal-Qorti, hekk kif xahar ilu ngħataw il-bail fuq akkużi simili.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit, spjegat kif l-akkużati, allegatament kienu qed jitolbu l-flus lill-ġenituri tagħhom sabiex isostnu l-vizzju tad-droga.
Ġie spjegat ukoll kif huma kontinwament kienu qed idejqu lill-ġenituri biex jagħtuhom il-flus, u allegatament jużaw il-vjolenza fuqhom.
Fost l-akkużi li ġew mixlija bihom fil-Qorti, hemm vjolenza kontra l-ġenituri tagħhom, li kkawżawlhom biża’, insultawhom, hedduhom u li kisru l-kundizzjonijiet tal-bail.
Huma wieġbu li mhux ħatja, u qalu li bħalissa jinsabu bla xogħol.
Sadanittant, l-Avukat tal-Għajnuna Legali talab għall-ħelsien mill-arrest hekk kif qal li missierhom daħħal rapport falz għand il-Pulizija biex ipattijilhom.
Din it-talba sabet l-oppożizzjoni tal-Prosekuzzjoni u ġiet ukoll miċħuda mill-Maġistrat Kevan Galea.
Il-Qorti ordnat biex ikun hemm ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-ġenituri.