Is-safar. Attività perikoluża, fejn l-ilma jkun kontaminat u l-ikel jissajjar b’ingredjenti xejn pjaċevoli. Ngħidu aħna, tewm u żejt taż-żebbuġa! Imma almenu f’Malta, għandhom il-kaxxi tal-posta ħomor bħal tal-Ingliżi, u jsuqu fuq ix-xellug. U t-tabelli fit-toroq bl-Ingliż.
Jekk qed tiskanta din is-sentenza, forsi għandek raġun, għax ma kontx turist Brittanniku fis-sittijiet.
Fil-ġurnal Ingliż Mail On Sunday, l-artikolista Ian Kerr innota kemm inbidlu l-affarijiet. Illum tħallas belli liri, jew ewro, għal ikla fina bit-tewm u ż-żejt taż-żebbuġa.
Osserva li l-biża mis-safar beda jmajna meta n-nies bdew jieħdu gost isiefru, bdew javdaw aktar il-mezzi tal-ivjaġġar u bdew iżuru diversi pajjiżi oħra.
Minkejja li għal ftit żmien donnu kien hemm alternattivi b’saħħithom għal Malta, tul dawn l-aħħar għaxar snin Malta spikkat għal esperjenza Mediterranja b’differenza, grazzi għall-mod li bih tiġi rriklamata.
Malta bdiet tirriklama l-kultura, l-istorja u l-karattru tagħha.
Skont Kerr, aktar li tiġbed l-għajn barranija hija l-istorja. Iżda l-istilla li tisraq ix-xena hija Għawdex. Almenu serqt l-attenzjoni ta’ Brad u Angelina!
Jissemmew affarijiet oħra, bħall-Valletta International Baroque Festival.
Il-konklużjoni? Parir għat-turisti; jekk qed taħsibha, aqbad u aqta’ biljett.