Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu lil one.com.mt li t-Tnejn saret l-awtopsja fuq ir-raġel li miet wara li ntilef minn sensih nhar il-Ġimgħa iżda jeħtieġ isiru ukoll testijiet tossikoloġiċi.
Dawn it-testijiet għad iridu jsiru barra minn Malta.
L-investigazzjoni fuq l-awtopsja għandha tiddetermina biex miet ir-raġel.
Il-każ ġara l-Ġimgħa filgħaxija f’dar fi Triq Alessio Erardi f’Ħaż-Żabbar.
Dakinhar ir-raġel beda jwaddab l-affarijiet lejn in-nies minn fuq il-bejt, u niżel minn fuq il-bejt kif mitlub mill-pulizija. Iżda ftit tal-ħin wara l-pulizija reġgħu ssejħu fuq il-post għax ir-raġel kien aggressiv fil-konfront ta’ tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid li mar fuq talba tal-familja.
Ir-raġel issakkar f’kamra fuq il-bejt fejn x’aktarx kien armat, u ma riedx joħroġ. Il-Pulizija rnexxielhom jikkonvinċuh jinżel u reġa’ beda jkun aggressiv fil-konfront tat-tabib sakemm telaq jiġri fis-sular ta’ fuq u ġera lejn it-tieqa.
Il-pulizija żammewh bl-użu ta’ stun gun, u t-tabib injettah biex iżomm kalm.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li r-raġel ntilef minn sensih u ttieħed l-isptar Mater Dei. Huwa miet l-isptar.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali.