Għat-tieni sena, se jsiru sensiela ta’ testijiet tas-smigħ bla ħlas, biex wieħed ikun jaf dwar is-saħħa tas-smigħ tiegħu.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn ingħataw dettalji dwar tliet testijiet li se jsiru f’Ħaż-Żebbuġ, fiż-Żurrieq u fil-Birgu.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Awdjoloġisti Maltin, Dr Andrew Sciberras sostna li mill-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, inġabret informazzjoni importanti dwar is-smigħ.
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli qalet kif il-proġett se jinfirex f’kampanja nazzjonali, biex aktar nies jersqu ’l quddiem u jagħmlu dawn it-testijiet ħalli jevitaw milli jispiċċaw fis-solitudni, hekk kif ma jkunux jistgħu jikkomunikaw.
Ġie spjegat kif fl-ewwel parti ta’ dan il-proġett, saru iżjed minn ħames mitt test.
Qalet, “Imma rridu li fit-tieni parti ta’ din ir-riċerka tagħna fuq livell Ewropew u internazzjonali. Aħna we set the ball rolling, kif jgħid l-Ingliz biex naraw li pajjiżi oħra jsegwu l-mudell Malti biex huma wkoll biex jagħmlu din l-iniżjattiva.”
Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista, Alex Agius Saliba qal li permezz ta’ dan il-proġett qed tingħata opportunità lil dawk li jkunu qed ibatu u ma jfittxux l-għajnuna.
Spjega kif dan il-proġett ġie mfaħħar fuq livell Ewropew ftit tal-ġimgħat ilu u ntqal kif dan għandu jkun ta’ eżempju madwar l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Qal, “Qal li dan il-proġett li qed immexxu ’l quddiem f’Malta huwa proġett uniku, li fl-aħħar mill-aħħar għandu jiġi replikat ukoll u għandu jsir ukoll fuq bażi Ewropea, jiġifieri fis-27 Stat membru kollha kemm huma. Allura dan jimlina b’sodisfazzjon sabiex inkomplu għaddejjin b’dan il-proġett u Malta tibqa’ tintuża bħala mudell ukoll fejn jidħol is-saħħa tas-smigħ.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni Dr Andrew Sciberras għamel dan l-appell lill-pubbliku.
Qal, “Agħmlu t-testijiet, tistgħu tikkuntattjaw il-Ministeru biex tagħmlu appuntament. Anki jekk ma jkollhomx ċans dawn il-ġranet, testijiet jistgħu jsiru anki jekk ikollhom referral m’għand tabib tagħhom għall-isptar, testijiet isiru b’xejn hemmhekk.”
Dawn it-testijiet se jsiru fl-24 ta’ Settembru fiż-Żurrieq, fl-ewwel ta’ Ottubru f’Ħaż-Żebbuġ u fit-22 ta’ Ottubru fil-Birgu.