Akkademiċi fl-Università ta’ Malta wettqu proġett li permezz tiegħu se jtaffu mill-piż fuq is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.
Kif spjega ma’ ONE News, il-koordinatur tal-proġett Dr Owen Falzon, sal-lum il-pazjenti li kien jeħtiġilhom test tal-ECG jew testijiet tan-nifs, ried jitwaħlilhom apparat magħhom u b’hekk seta’ jinħoloq inkonvenjent.
“Jekk tmur fi sptar tara li jintuża apparat li jitwaħħal eżempju fuq is-swaba’ jew bħal ECG li jitwaħħlu ma’ sider il-bniedem biex inkejlu l-heart rate tal-individwu. Il-problema f’dawn is-sistemi huwa l-fatt li għandek bniedem b’wires imwaħħlin miegħu u jista’ jkun daqxejn ta’ inkonvenjent u kif rajna fi żmien il-Covid minħabba li nixtiequ nevitaw it-trasmissjoni ta’ mikrobi.”
Permezz ta’ dan il-proġett il-ġdid, anke li ra finanzjament ta’ mitejn elf ewro mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, dawn it-testijiet ħadu forma ferm differenti.
“Propju hawnhekk qed nużaw cameras normali kif ukoll thermal cameras li jaqbdu t-temperatura u s-sħana biex minflok ikolna bżonn inaqbbdu wires sempliċiment minn dan il-videos inkunu nistgħu noħorġu l-heart rates u l-breathing rates.”
Fi żjara li għamel il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici fil-Fakultà tal-Inġinerija, semma l-importanza ta’ kif żewġ oqsma kruċjali f’pajjiżna qed jaħdmu id f’id.
“Illum qed naraw talent Malti li qed joħloq innovazzjoni u soluzzjoni biex itejjeb il-ħajja tal-pazjenti illi jagħmlu użu minn servizz tas-saħħa. Dan huwa dak li rridu aħna nkomplu nmexxu ‘l quddiem soluzzjonijiet li jiġu frott il-ħila tal-Maltin b’finanzjament pubbliku bil-ħidma illi tagħmel differenza fil-ħajja taċ-ċittadini Maltin.”