Professjonisti fil-qasam tas-saħħa se jkunu qed iduru l-lokalitajiet madwar il-pajjiż biex jagħtu informazzjoni utli dwar is-servizzi tas-saħħa li jeżistu fil-komunità.
Dan bil-għan li n-nies ikunu konxji b’dak offrut madwarhom u s-servizzi jkunu aktar aċċessibbli.
Dan il-proġett – li beda f’Raħal Ġdid, sar possibbli bis-sehem ta’ tim ta’ professjonisti mid-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u tal-Kura Primarja.
Minbarra preżentazzjonijiet informattivi u interattivi, il-professjonisti ċċekkjaw iz-zokkor u l-pressjoni ta’ dawk preżenti, u tawhom pariri dwar il-kura li għandhom bżonn.
Xi ħaġa li se tibda ssir kull ġimgħa, kif spjegat ma’ dan l-istazzjon id-Direttur tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa Dr. Paula Vassallo.
“Ħa nitkellmu fuq iz-zokkor u kemm wieħed jikkonsma verament zokkor u fejn imur għax kulħadd jgħidlek li ma jiħux ħafna imma nwasslu messaġġ u ngħinuhom jifhmu dan u nitkelmu wkoll dwar x’għandu wieħed biex jiekol dieta bilanċjata bbażata fuq id-dieta Mediterranja u l-importanza tal-attivita fiżika,” qalet Dr. Vassallo.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne nnota li x-xogħol tal-Ministeru mhuwhiex biss li jfejjaq il-mard, iżda wkoll li jara li n-nies jgħixu ħajja b’saħħitha.
“Id-Dipartiment tas-Saħħa jismu Dipartiment tas-Saħħa mhux Dipartiment tal-Kura għall-Mard u allura aħna deherilna li rridu nagħtu iżjed importanza lill-prevenzjoni. Dan qed nagħmluh flimkien mal-Kunsilli Lokali għax jidhrilna li l-għażliet li jagħmel persuna fil-ħajja tiegħu jistgħu jkollhom effett fuq is-saħħa tiegħu u l-għażliet personali l-aħjar inwassluhom lin-nies wieħed wieħed,” saħaq Mr. Fearne.
Għal aktar informazzjoni dwar is-sessjonijiet li jmiss – li se jkopru l-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex, wieħed jista’ jċempel fuq 23266000.
“Jista’ jsegwina fuq is-siti soċjali tagħna HPDP fuq Facebook, Instagram u Twitter fejn ħa nagħtu informazzjoni minn qabel dwar il-programmi li jmiss u fejn se jkunu,” qalet Dr. Vassallo.