Il-Gvern qed jipproponi li fil-Korp tal-Pulizija, b’mod sistematiku iżda anki għall-għarrieda, jsiru testijiet fuq uffiċjali biex jiġi assigurat li huma mhumiex taħt l-influwenza tal-alkoħol jew tad-droga.
Dan intqal mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt is-seduta parlamentari tal-Parlament it-Tnejn filgħaxija.
Qal, “B’dan il-mod qed naraw li dawn il-persuni, jekk xi ħadd jagħmel hekk ikun hemm deterrent sabiex naraw li idealment ħadd ma jagħmel dan u jkunu soġġetti għal dixxiplina immedjata, anke kif jipprovdi dan l-abbozz ta’ liġi illi qegħdin naraw quddiemna llum.”
Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif dan l-abbozz se jkun qed joħloq l-appell dixxiplinarju tal-Pulizija, sabiex ikun jista’ jsir l-appell għad-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Semma wkoll li bil-liġi proposta fuq il-Korp tal-Pulizija hemm li titneħħa l-kariga tal-Kap Eżekuttiv tal-Korp u jitpoġġa xi ħadd miċ-ċivil biex ikun bħala Direttur Ġenerali.
Il-Ministru għall-Intern spjega kif din il-bidla hija parti mill-istrateġija ta’ ħames snin, li qed tlesti l-Korp għall-futur.
Waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Ministru Camilleri semma kif taħt dan il-Gvern saru diversi riformi fil-Korp tal-Pulizija bil-kontra għal dak li sar taħt Gvern Nazzjonalista. Qal kif dawn ir-riformi għamlu lill-korp iżjed trasparenti u li jagħti servizzi ġodda, fosthom bil-pulizija fil-komunità.
Spjega, “Għall-ewwel darba bdiet tiġi rikonoxxuta l-Korpi Dixxiplinati l-ġimgħa ta’ 40 siegħa tax-xogħol, illi għall-ewwel darba bdew jitħallsu mill-41 siegħa ’l quddiem. Li ta kull siegħa li taħdem titħallas tagħhom. Għax hekk għandu jkun, għax dawk huma d-drittijiet li jixraqilhom il-ħaddiema kollha ta’ pajjiżna.”
Intant, fil-Parlament, il-Ministru Camilleri kkonferma li l-Korp se jkollu l-ewwel Deputat Kummissarju mara, din se tkun Alexandra Mamo.