Il-BioDNA Laboratory services qed jistennew li sal-aħħar tas-sena jiġu akkredidati fuq livell internazzjonali għal testijiet tossikoloġiċi.
Fi kliem il-Professur Serracino Inglott dan il-laboratorju jilħaq il-milja tax-xjenza teoretika li tiġi applikata f’affarijiet ta’ importanza kbira fosthom it-testijiet tal-paternità.
Dan il-laboratorju jipprovdi ukoll servizzi forensiċi lil Qrati Maltin, jispeċjalizza fid-determinazzjoni tad-DNA għal skopijiet forensiċi u issa qed joffri ukoll servizz ġdid, testijiet fuq id-droga maqbuda mill-Pulizija biex tiġi determinata l-kompożizzjoni u l-purità tagħha.
Għalhekk, dan il-laboratorju jitlob li ma jsir ebda żball u huwa wieħed professjonali u ta’ importanza.
Min-naħa tagħha Dr Marisa Cassar, id-Direttur ta’ BioDNA, spjegat li l-Gvern qed ikompli jinvesti fix-xjenza. Fil-fatt BioDNA illum qed ikompli jimraħ u se jiġi akkreditat biex joffri servizzi oħra sa l-aħħar ta’ din is-sena. “Dan iwassal biex aktar kumpaniji barranin jagħżlu dan il-laboratorju għal aktar kollaborazzjonijiet,” tenniet Dr Cassar.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li b’dan l-iżvilupp se tkun qed tiżdied il-kwalità fis-servizz tal-laboratorji li huwa konformi ma’ standards Ewropej. Se tkun qed tinħoloq ukoll sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq prattiċi ġodda fil-qasam xjentifiku li se tkun qed isaħħaħ is-sostenibilità.
Debattista spjega li diġà qed isir xogħol siewi ħafna fil-qasam forensiku li joffri s-servizzi tiegħu lill-Qrati Maltin iżda dan il-laboratorju se jkun qed jikkumplimenta din il-ħidma hekk kif jispeċjalizza fid-determinazzjoni tad-DNA għal skopijiet forensiċi.
“BioDNA ssieħeb mal-Malta Laboratories Network biex jiġi assigurat servizz ta’ kwalità għolja u sostenibbli. Malta qed issir ċentru ta’ eċċellenza anke fis-settur ta’ laboratorji forensiċi li janalizzaw drogi tal-abbuż,” spjega s-Segretarju Parlamentari.
Fil-fatt BioDNA qed jikkolabora mal-uffiċju tan-Nazzjonijiet Magħquda tad-droga u l-kriminalità u qed jgħin biex jiġu identifikati drogi ġodda, kollaborazzjoni importanti li qed tkompli tagħmel dan il-laboratorju wieħed aktar professjonali.