“Pajjiżna ħa din l-isfida b’serjetà u b’impenn.”
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet b’reazzjoni għar-rapport li ġie ppubblikat mill-Kumitat t’esperti kontra l-ħasil ta’ flus fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, il-Moneyval.
Tul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Caruana spjega l-ħidma straordinarja li saret mill-Gvern fl-aħħar xhur sabiex pajjiżna jiġi konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval.
Ħidma li saħansitra ġiet innutata bi prominenza mis-settur privat.
Il-Ministru Caruana tenna li f’dak li jgħid ir-rapport, pajjiżna għadda minn dan it-test għaliex issodisfa r-rikjesti meħtieġa f’disa’ oqsma differenti.
B’hekk kompla jgħid li permezz ta’ dan l-aħħar żvilupp għandna konferma oħra ta’ Gvern li ħadem bi sħiħ biex iggarantixxa s-serħan il-moħħ u stabbiltà fil-qasam finanzjarju u lil hinn minnu.
Intant l-Ministru kjarifika kif ix-xogħol ma jieqafx hawnhekk.
Dan hekk kif dan l-eżerċizzju jispiċċa mad-deċiżjoni tal-FATF.
Il-Ministru Caruana tenna li d-deċiżjoni mill-FATF dwar jekk Malta titpoġġiex fil-lista l-griża ta’ pajjiżi tasal minn hawn u xahar ieħor.
Huwa qal, “Dan ir-rapport li ġie ppubblikat illum juri r-riżultat li pajjiżna kiseb fl-eżami jiġifieri pajjiżna kien mitlub jagħmel ċertu tibdiliet, ċertu riformi, ċertu tisħiħ. Minn dawk it-tibdiliet kollha li ġew mitlubin minnha għaddejna u dan ir-rapport qed jikkonferma dan kollu issa jmiss it-tieni pass li dan ir-riżultat jiġi mixtarr minn diversi pajjiżi oħra fil-grupp tal-FATF imbagħad minn hemmhekk tittieħed id-deċiżjoni ta’ jekk pajjiżna jkunx grey listed jew le.”
Il-Ministru Caruana temm jgħid li dan ix-xogħol kollu li sar f’dan il-qasam issa jrid jiġi ppriservat. Iddikjara li l-Gvern ħa jkompli jsaħħaħ din il-ħidma u jistenna li Malta issib l-appoġġ kollu biex dan jibqa’ jseħħ.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/05/27/rapport-ippubblikat-tal-moneyval-dwar-malta-jsemmi-l-progress-sinifikanti-li-sar-1/