Minn meta fetaħ iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Kura tal-Għajnejn fil-Furjana f’April tal-elfejn u dsatax, saru aktar minn għaxart elef test għall-kundizzjoni tal-glaucoma.
Fil-fatt, fl-ewwel sena sħiħa minn meta fetaħ, fl-elfejn u għoxrin, saru elf, sitt mija u erbgħin test.
Is-sena ta’ wara saru aktar minn tlett elef u tliet mitt test, filwaqt li s-sena l-oħra saru rekord ta’ kważi erbat elef test.
Din is-sena sa nofs Marzu, saru kważi elf test ieħor.
Fix-xahar li jfakkar fil-kundizzjoni tal-glaucoma u l-importanza li jsir l-iscreening għaliha biex tinqabad kmieni, is-Senior Practice Nurse f’dan iċ-ċentru, Bernice Micallef spjegat li l-glaucoma tkun ikkawżata mill-pressjoni fl-għajn.
“It-testijiet huma sempliċi ħafna. Niċċekkjawlek il-vista kif inhi, niċċekkjawlek il-pressjoni t’għajnejk u nagħmlu test li ngħidulu l-visual fields biex aħna nkunu nafu f’liem stadju qiegħed u fejn bdejna fl-ewwel test. Ma jinvolvix uġigħ, jieħu madwar nofs siegħa u din-nofs siegħa tista’ ssalvalek il-vista aktar tard.”
Peress li l-glaucoma tagħmel ħsara fin-nervaturi tal-għajn, tista’ tikkawża biex wieħed jitlef id-dawl t’għajnejh jekk ma jindirizzax il-problema mill-ewwel.
Għaldaqstant, jekk wieħed iħoss xi sintomi, għandu jagħmel test mill-ewwel għaliex test tal-vista mhux dejjem jaqbad kundizzjoni bħal din.
“Ħafna drabi jekk inti ħa tmur għall-vista tan-nuċċali, ħa jsirlek in-nuċċali. Ma neskludix li min qed jagħmel it-test jista’ jinduna bi problemi oħra imma l-iscreening, meta inti tidħol fil-programm, ħa joffrilek vantaġġ li inti dħalt ġo sistema, in-nies huma ddedikati apposta b’apparat apposta biex niggwidawk fejn hemm bżonn.”
Iċ-ċifri tat-testijiet li jsiru f’dan iċ-ċentru juru kemm kien bżonnjuż, b’mod partikolari għaliex tul is-snin naqqas il-piż minn fuq l-Isptar Mater Dei.
Minbarra mijiet ta’ appuntamenti kull xahar, dan is-servizz tal-oftalmoloġija huwa aċċessibbli għal kulħadd.
Fil-fatt, kull min jixtieq jagħmel test, kulma jrid jagħmel huwa jċempel iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana u jingħata appuntament.
Il-pjan huwa li l-kura tal-prevenzjoni tersaq aktar viċin il-komunità, anki permezz tal-bereġ li qed jinfetħu f’kull lokalità fil-pajjiż.
“Aħna l-għan tagħna hu li kemm jista’ jkun nolqtu u niġbru aktar nies fejn tidħol il-kura preventiva. Għandna pjanijiet iktar ’il quddiem biex niftħu iktar das-servizz u did-darba mmorru aħna fil-komunità ħdejn in-nies biex nippromwovu aktar dan is-servizz.”
L-appell hu biex min għandu aktar minn erbgħin sena, jiċċekkja għajnejh minn tal-inqas darba fis-sena, u min għandu lil xi ħadd fil-familja li għandu l-glaucoma, jew hu dijabetiku, jiċċekkja aktar ta’ spiss għax ir-riskju jikber b’għaxra fil-mija.