20,000 tifel u tifla fl-iskejjel primarji u sekondarji f’pajjiżna qed jiġu ttestjati għall-marda tas-coeliac, biex jekk tinqabad kmieni, tkun tista’ tiġi trattata b’mod aktar effettiv u mingħajr wisq tbatija.
Dan permezz ta’ test sempliċi li jista’ jevita proċeduri invażivi.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei, Chris Barbara, spjega li dan it-test qed isir bħala parti mill-proġett ITALIA-MALIA, li qed isir b’kollaborazzjoni mal-Universitajiet ta’ Messina u Palermo.
Dr Barbara stqarr: “Aħna ndunajna li fl-Ewropa, l-ogħla każijiet ta’ din il-kundizzjoni hija f’Malta u fl-Isqallin u r-raġuni ta’ dan huwa għax din tista’ tkun ġenetika bħala l-kawża tagħha u qed nindunaw li l-proveljenza tagħna l-Maltin ġejjin mill-Isqallin.”
Is-coeliac hija kundizzjoni fejn persuna ssir sensittiva għall-prodotti tal-qamħ, bħal glutina u x-xgħir. Meta wieħed jibqa’ jieħu l-prodotti u jkun coeliac, ikun qed jagħmel ħsara kbira fil-musrana l-kbira. Għaldaqstant dan it-test qed isir f’età bikrija fuq bniet u subien ta’ bejn l-4 snin u t-12-il sena.
Dr Barbara tenna: “Ta’ dik l-età, it-tfal diffiċli biex jgħidu preċiż x’qegħdin iħossu, is-sintomi jistgħu jkunu daqsxejn ħfief, u l-ħsara fil-musrana tkun diġà qiegħda ssir allura bdejna nieħdu dik l-età biex nibdew naqbduhom minn età kmieni.”
Juanita Muscat, uffiċjal tal-proġett, spjegat li t-test qed isir fl-iskejjel għall-benefiċċju tat-tfal, iżda biex isir, il-ġenituri jridu jimlew kwestjonarju bid-dettalji tat-tfal, jiffirmaw iċ-ċertifikat tal-kunsens, u jibagħtuh lura l-iskola. Hiija spjegat: “Prick test jgħidulu so bażikament itaqqbulhom tikka żgħira subgħajjhom bi clicker, joħorġulhom qatra demm, imbagħad għandna test fejn jitfgħu d-demm u minn dak joħroġ jekk jistax ikun li hemm il-kundizzjoni tas-coeliac jew le.”
Jekk jirriżulta li xi tifel jew tifla huma coeliac, tiġi pprovduta lilhom dieta ideali mingħajr ċertu prodotti li jagħmlu ħsara fil-musrana l-kbira. L-informazzjoni kollha se tkun proċessata fl-Isptar Mater Dei.
Hija temmet tgħid: “Fil-każ li xi tifel jew tifla jinstabu pożittivi għat-test jew ikollhom lista abbundanti ta’ sintomi li huma relatati ma’ din il-kundizzjoni, Mater Dei se tinforma lill-ġenituri biex ikomplu jagħmlu iktar testijiet.”