Fiż-żminijiet ta’ festi smajna ħafna b’ħidmet il-Pulizija fit-toroq ikkaratterizzata minn testijiet bil-breathalyzers biex ikun żgurat li ħadd ma jsuq taħt l-effett tal-alkoħol.
Iżda dawn it-testijiet ma jsirux biss f’dawn iż-żminijiet. Itqajna mal-Ispettur Sergio Pisani li spjega kif isir it-test u kif jaħdem l-apparat. Fakkar ukoll fil-limiti u fil-multi b’rabta ma’ dawn il-każijiet.
Ħamsa u disgħin fil-mija tat-testijiet li jsiru bil-breathalyzers jirriżultaw fil-pożittiv; li jfisser li l-maġġoranza tal-persuni mwaqqfa mill-Uffiċjali tal-Pulizija li jagħmlu dan it-test, ikunu qed isuqu taħt l-effett tal-alkoħol. F’pajjiżna, it-testijiet bil-breathalyzers bdew isiru f’Awwissu tal-elfejn u għaxra, u matul is-snin inbidel l-apparat hekk kif ma kienx prattiku biżżejjed.
Fl-elfejn u ħmistax ġew introdotti dawk li jissejħu portable breathalyzer tests. B’dawn, sa Novembru li għadda, mija sebgħa u sebgħin xufier inqabdu jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol. B’wieħed mill-ħmistax il-apparat il-ġdid li hawn f’Malta f’idejh, l-Ispettur Sergio Pisani spjega kif żdiedet l-aċċessibbiltà.
Pisani qal li “Qabel dawn kelna unit li kien jinżamm ġewwa l-Għassa jew il-branch rispettiva fejn il-persuna kienet tittieħed hemmhekk u tagħmel it-test. Illum il-ġurnata qegħdin f’pożizzjoni li nistgħu jkolna t-test magħna u nagħmlu t-test fuq il-post.”
Għalkemm nisimgħu ħafna bil-breathalyzers fiż-żminijiet ta’ festi, it-testijiet bihom isiru b’mod regolari; kull darba li jitqajjem suspett raġjonevoli li persuna tkun qed issuq taħt l-effett tal-alkoħol. Mal-apparat hemm dik li tissejjaħ blow straw, li tingħata lix-xufier wara li jkun infurmat bid-drittijiet tiegħu. Hawnhekk, wara li jittiħdulu d-dettalji, jintalab jonfoħ fiha.
L-Ispettur Pisana reġa’ sostna li “kull persuna għandu retention tal-alkoħol differenti fil-ġisem tiegħu dipendenti mill-metaboliżmu tiegħu u mill-mediċini li jkun qed jieħu jiġifieri grokk għalija ma jfissirx l-istess bħala grokk għalik.”
Il-limitu huwa ta’ tnejn u għoxrin mikrogramma ta’ alkoħol f’mitt millilitru ta’ nifs. Għal xufiera li jkunu għadhom m’għalqux tliet snin isuqu, u dawk b’vetturi kummerċjali, il-limitu huwa ta’ disa’ mikorgrammi; filwaqt li dawk li jsuqu vetturi li jġorru passiġġieri, ma jistgħu jixorbu xejn.
Wara li jsir it-test, dejjem tinħareġ irċevuta li tiġi ffirmata miż-żewġ partijiet, u li sservi bħala prova fil-Qorti. Min jinqabad l-ewwel darba jsuq taħt l-effett tal-alkoħol jista’ jeħel multa ta’ elf u tmien mitt ewro u/jew ħabs sa mhux iktar minn sitt xhur. Mat-tieni darba, il-multa titla għal tlett elef ewro, u s-sentenza ta’ ħabs tista’ titla għal sena.
Kull min jinqabad isuq xurban tittiħidlu l-liċenzja. Jekk l-ewwel darba tingħatalu lura wara xahrejn. Jekk it-tieni darba f’perjodu ta’ tliet snin, jista’ jerġa’ jagħmel it-test għaliha wara xahrejn. Mat-tielet darba fi żmien ħames snin jista’ japplika għaliha wara sena, filwaqt li mar-raba’ darba fi żmien seba’ snin jista’ jerġa’ jagħmel it-test wara sentejn.