Aktar minn terz tal-persuni li għażlu japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija permezz tal-programm taċ-Ċittadinanza b’investiment ġew rifjutati.
Dan joħroġ mill-aħħar rapport ppubblikat mir-Regolatur tal-Programm Dr Carmel De Gabriele.
Ċifri ppubblikati fir-rapport juru li fl-aħħar sena biss ġew irrifjutat mija u ħmistax mit-tlett mija u ħdax-il applikazzjoni li rċeviet l-aġenzija li tmexxi dan il-programm/
Dan l-ammont huwa ekwivalenti għal 33% tal-applikazzjonijiet kollha u żieda ta’ 3.5% miċ-ċifra rreġistrata fir-rapport tal-2018.
Dan ifisser ukoll li mindu tnieda l-programm l-għadd ta’ applikazzjonijiet irrifjutati tela’ għal 23%.
Ma’ ONE NEWS, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat saħaq kif dan juri l-proċess ta’ skrutinju rigoruż u serju li huma suġġetti għalih dawk kollha li japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija.
Huwa innota wkoll kif dawk li qed ikollha l-applikazzjoni tagħhom irrifjutat f’Malta qed imorru japplikaw u saħansitra jingħataw iċ-ċittadinanza f’pajjiżi oħra.
“Għandek iktar minn terz ta’ dawk li applikaw li finalment ma jingħatawx iċ-ċittadinanza Maltija allura jfisser li l-proċess tagħna huwa serju ħafna. Ħafna iktar minn ta’ pajjiżi oħrajn li jispiċċaw jaċċettaw lil min aħna stess inkunu rrifjutajna.”
Is-Segretarju Parlamentari Muscat tkellem ukoll dwar il-kwalità ta’ nies li fl-aħħar sena ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija.
Dan hekk kif ir-rapport tar-regolatur juri li kważi tmenin fil-mija ta’ dawk kollha aċċettati għandhom livell ta’ edukazzjoni terzjarja fosthom ħames persuni li għandhom livell ta’ dottorat.
“Mir-rapport joħroġ ċar li kważi 80% ta’ dawk kollha li ġew approvati għandhom livell ta’ edukazzjoni għoli ħafna allura dak huwa turija ċara tal-kwalità tan-nies li qed jattira l-programm tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari Muscat spjega kif dawn iċ-ċifri jassiguraw serħan il-moħħ fost iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
“Naħseb dak is-serħan ta’ moħħ huwa importanti mhux biss għalina l-Maltin imma għal kulħadd li kulħadd iserraħ rasu li l-programm tagħna huwa programm huwa wieħed serju immens u hekk għandu jkun biex nattiraw nies ta’ kalibru li qed ikompli jgħinuna biex malta tibqa’ tiġri ’l quddiem u l-kwalità tal-ħajja tagħna tibqa’ miexja ’l quddiem.”