Terz tal-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalsita vvutaw kontra t-tmexxija ta’ Adrian Delia u sostnew li m’għandux ikun hu li jibqa’ jmexxi lill-partit sal-elezzjoni ġenerali li jmis. Fil-fatt Delia rnexxielu jsalva ġildu b’67% tal-voti.
Kienu 920 kunsillier li vvutaw favur il-Kap Adrian Delia, waqt li 586 naqsu milli jagħtuh il-fiduċja, fosthom 438 li vvotaw kontrih, 126 li ma marrux jivvotawlu u 22 oħra li ħasru l-vot. Minnufih il-fazzjoni ta’ Busuttil fakkritu fil-vot qawwi ta’ fiduċja li kisbu l-ex kapijiet Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi meta f’voti ta’ fiduċja, kisbu aktar minn 96 fil-mija tal-fiduċja tal-kunsillieri. Intant malli tħabbar ir-riżultat spikka l-għajjat ta’ “Delia, Delia” biex il-ġurnata tal-votazzjoni ntemmet kif bdiet, bl-istess għajjat u botti bejn fazzjoni u oħra li donnha trid tkun hi li żżomm ir-riedni tal-partit f’Tal-Pietà.