Matul is-sena l-oħra, is-sena tal-pandemija, madwar terz tal-kumpaniji f’Malta kellhom bżonn jissellfu n-nofs tal-proporzjon tal-Unjoni Ewropea.
Stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzjament tal-intrapriżi żgħar u medji juri li 59% ta’ dawn it-tip ta’ intrapriżi Maltin ma ħadux self mill-banek.
Dan filwaqt li ftit aktar min-nofs tal-intrapriżi Maltin qalu li ma applikawx għal servizzi oħra relatati mal-banek, jiġifieri linji ta’ kreditu, overdrafts bankarji jew kards tal-kreditu, peress li kellhom biżżejjed fondi interni.
Min-naħa l-oħra, skont l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, rrappurtat anki fir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali, kienu biss madwar terz biss tal-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea li ma ħadux self jew servizzi oħra.
Dawn ir-riżultati juru l-għajnuna kbira li ta l-Gvern lin-negozji anki biex jgħin fil-likwidità tal-istess negozji.
Fil-fatt il-Gvern kien ħabbar diferiment tat-taxxi tan-negozji u kumpaniji sabiex dawn ikollhom aktar flus f’likwidità.
Ix-xahar li għadda din il-miżura ġiet estiża sal-aħħar tas-sena, mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Intant l-istħarriġ iħares ukoll lejn id-dipendenza tal-intrapriżi żgħar u medji fuq forom differenti ta’ finanzjament, u jipprovdi paragun interessanti bejn ix-xejriet f’Malta u fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Pereżempju, proporzjon iżgħar ta’ intrapriżi żgħar u medji f’Malta rrikorrew għal linji ta’ kreditu u overdrafts is-sena l-oħra.
Fil-fatt fl-2019 kien hemm nofs il-kumpaniji li għamlu dan u s-sena l-oħra dan niżel għal 41%.
Fir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali hu mbassar li l-ekonomija Maltija se tikber b’ħamsa fil-mija.
Fil-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Edward Scicluna qal li l-pandemija ġabet daqqa ekonomika ferm ikbar mill-kriżi finanzjarja tal-2008.
Intqal ukoll li d-dejn nazzjonali se jibqa’ kkontrollat u taħt is-60% tal-Prodott Domestiku Gross.
Fid-dawl li żdiedu d-depożiti mal-banek b’iktar minn €300 miljun, hu mistenni li din is-sena l-kumpaniji se jinvestu iktar ukoll.