Stħarriġ tal-Assoċjazzjoni Maltija għal min iħaddem dwar l-inflazzjoni fil-pagi f’pajjiżna wera li terz tal-kumpaniji żiedu l-pagi b’aktar minn tmienja fil-mija. Dan hekk kif t-talbiet mill-ħaddiema għaż-żieda qed jiġu mil-livelli kollha tax-xogħol. Kważi nofs il-kumpaniji kellhom iżidu l-pagi b’medja ta’ bejn 3 u 8 fil-mija. L-istħarriġ wera kif 17 fil-mija biss qalu li ż-żieda fil-pagi tal-ħaddiema tagħhom kienet inqas minn 3 fil-mija.
Skont l-istħarriġ il-maġġoranza assoluta tal-kumpaniji għarrfu li dan hu riżultat tal-fatt li l-qgħad f’pajjiżna huwa fl-inqas livelli qatt irreġistati fl-istorja.
Aktar minn sebgħa u sebgħin fil-mija ta’ l-imgħallmin wieġbu li qed jantiċipaw aktar talbiet għal żidiet fil-pagi matul is-sena d-dieħla.
Bosta saħqu li din iż-żieda fil-pagi hija inevitabbli minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni f’oqsma bħal dawk finanzjarji u tal-gaming. Oħrajn qalu li l-għoli tal-ħajja wkoll iħalli l-effett tiegħu.
Oħrajn qalu li saret sfida biex iżommu l-ħaddiema magħhom minħabba l-għażla li sar għandu l-ħaddiem biex jimraħ f’oqsma ġodda u għalhekk l-kumpaniji iridu joffru pakkett attraenti.
Madankollu kważi nofs il-kumpaniji jemmnu li l-ammont ta’ ħaddiema li jimpjegaw se jkun qed jiżdied fil-ħames snin li ġejjin. Dan filwaqt li kważi 40% jemmnu li l-ammont se jibqa’ kif inhu u mhux ser inaqqsu l-ammont ta’ ħaddiema li jħaddmu.
L-istħarriġ wera wkoll li s-suq tax-xogħol f’pajjiżna huwa wieħed kosmopolitan hekk kif tlieta minn kull erba’ kumpaniji jimpjegaw ħaddiema barranin u terz minnhom għandhom aktar minn 25 fil-mija tal-ħaddiema barrannin.