Theżżiżiet li kejlu 5.4 u 5.9 fuq l-iskala Richter laqtu l-Italja ċentrali lbieraħ filgħaxija. B’xorti tajba ma kienux theżżiżiet fondi, u kejlu disa’ u tmin kilometri taħt l-art.
It-tieni terremot ikkawża aktar paniku fost il-popolazzjoni taż-żoni milquta, anke minħabba li diġa’ kellhom biża’ wara t-terremot fatali tal-24 t’Awwissu.
Minkejja li ma miet ħadd, indarab raġel f’Visso wara li waqa’ saqaf, filwaqt li tmienja oħra sofrew minn tbenġil ġewwa Fabriano.
Li m’hemm ebda vittmi kien ikkonfermat wara nofsillejl mill-kap tal-Protezzjoni Ċivili, Fabrizio Curcio. Qal li hemm wħud li ġew salvati mill-korp nazzjonali jew mis-servizz tal-emerġenza, u numru ieħor ta’ nies li marru spontanjament – iżda ħadd minnhom ma kien f’qagħda serja.
Iż-żewġ theżżiżiet ewlenin ikkaġunaw serje ta’ terremoti żgħar oħra – ma kien lejl faċli xejn għat-Taljani li għażlu li jqattgħu l-lejl barra f’każ ta’ theżżiżiet ikbar.