Bosta ħassew terremot li heżżeż diversi partijiet ta’ Malta f’nofs ta’ lejl għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu.
Skont l-Uffiċċju Siżmiku fl-Università ta’ Malta, it-terremot seħħ fit-tlieta u minuta ta’ filgħodu, u kejjel 4.5 fuq l-iskala Rikter.
It-terremot ġie rreġistrat fiċ-Ċentru tal-Baħar Mediterran, u nħass fost l-oħrajn f’Birkirkara, fil-Ħamrun, f’Ħal Luqa u f’Biżebbuġa.
Fuq Facebook, bosta kitbu li qamu bit-theżżiża li damet madwar erba’ sekondi u wħud iddeskrivewha bħala tal-biża’.
Dan kien it-tieni terremot fi ftit sigħat li ġie rreġistrat fiċ-Ċentru tal-Baħar Mediterran qrib Malta, wara li ftit sigħat qabel għall-ħabta tat-tmienja u kwart ta’ filgħaxija, inħass terremot ieħor b’qawwa ta’ 3.3.
Intant, ftit qabel dawn it-terremoti viċin pajjiżna, seħħ terremot ieħor fl-Algerija, b’qawwa ta’ 7.2 fuq l-iskala Rikter.