Terremot b’qawwa ta’ 7.3 laqat l-akwati tal-belt kapitali ta’ Vanuatu, Port Vila b’bosta djar u binjiet infrastrutturali jsofru minn ħsarat.
Dan seħħ kmieni dalgħodu fit-tlieta nieqes kwart ħin ta’ Malta f’fond ta’ 57.1 kilometri. Kawża ta’ dan kien hemm biża li seta jseħħ tsunami f’partijiet ta’ din il-gżira fil-baħar Paċifiku.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2024/12/17085703/tj3gphio_vanuatu-earthquake_625x300_17_December_24-1024x630.webp)
S’issa mhux magħruf l-ammont tal-ħsara iżda sorsi mhux uffiċjali qed jirrappurtaw li mill-anqas mietet persuna waħda.
Skont ġurnalist residenti f’Port Vila dan kien l-akbar terremot li esperjenza f’dawn l-aħħar 20 sena.
Filmati fuq il-mezzi soċjali qed juru diversi binjiet imwaqqa’, karozzi mfarrka b’panelli li taru fuqhom u għamara maqluba fid-djar. Ritratti online, juru li waħda mill-binjiet milquta hija l-ambaxxata Amerikana f’Port Vila, b’uffiċjali jgħidu li l-ħsara hija waħda konsiderevoli u għalhekk mhux se jkunu miftuħa għall-pubbliku. Jidher li ħafna mill-mezzi ta’ komunikazzjoni mhumiex qed jaħdmu.
Huwa rrappurtat li wara t-terremot inħassu 4 theżżiżiet oħra madwar Port Vila b’qawwa ta’ bejn 4.7 u 5.5.
Vanuatu, hija arċipelagu ta’ madwar 80 gżira sitwata f’żona attiva ħafna sismikament u għalhekk suxxettibbli għal terremoti qawwija u diżastri naturali oħra.