Ġiet osservata minuta silenzju f’Myanmar b’rispett lejn aktar minn 2,700 persuna li sfaw vittma tat-terremot li laqat il-pajjiż nhar il-Ġimgħa li kellu magnitudni ta’ 7.7. Rapporti qed jgħidu li hemm aktar minn 4500 midruba u kważi 450 persuna nieqsa.
Dan it-terremot inħass ukoll b’qawwa kbira fil-pajjiżi ġirien bħat-Tajlandja li minkejja li jinsab mijiet ta’ mili l-bogħod xorta irreġistra 21 persuna mejta.
Ħaddiema tas-salvataġġ fiż-żewġ pajjiżi għadhom qed ifittxu għal nies mirduma għalkemm it-tama li jinstabu ħajjin qiegħda tmajna hekk kif issa għaddew aktar minn tliet ijiem minn dan id-diżastru naturali.
Il-Ġnus Magħquda ddikjaraw li t-terremot kompla jżid mat-tbatija u l-kriżi tal-pajjiż hekk kif bħalissa jinsab f’nofs gwerra ċivili li ilha għaddejja 4 snin. Filfatt minkejja d-distruzzjoni, rapporti qed jgħidu li l-mexxejja militari tal-pajjiż għadhom għaddejin bl-attakki mill-ajru kontra l-gruppi ribelli favur id-demokrazija.
Aktar minn 70 persuna huma maħsuba li għadhom maqbuda taħt it-tifrik tal-binja li ġġarfet f’Bankok it-Tajlandja għalkemm il-belt m’għadiex meqjusa fiż-żona tad-diżastru.