It-terrimot li seħħ qrib pajjiżna, propju fl-Italja, qajjem bosta mistoqsijiet mal-Maltin dwar x’għandhom jagħmlu f’każ li jseħħ terremot. Dwar dan one.com.mt tkellem mal-Emergency Fire & Rescue Unit, fejn spjegawlna x’għandu wieħed jagħmel f’każ li terremot jolqot lil pajjiżna.
X’inhi l-possibilita li f’Malta jiġri każ bħall-Italja? Din hija mistoqsija komuni f’dawn il-jiem iżda l-EFRU spjegawlna kif huwa importanti li ma nallarmawx ruħna hekk kif il-mod ta’ kif nibnu f’pajjiżna huwa ferm differenti minn dawk fiż-żona milquta fl-Italja. Huma saħqu li l-binjiet tagħna huma ħafna iktar b’saħħithom.
Iżda huwa tajjeb, li nkunu nafu x’għandna nagħmlu f’każ li jseħħ terremot f’pajjiżna. Huwa importanti ħafna li tibqa’ kalm u jekk ikun għadu ma bediex theżżiż qawwi, tmur malajr f’post miftuħ fil-beraħ. Jekk dan mhux possibbli, kemm jekk post miftuħ qiegħed ‘il bogħod wisq jew għal raġunijiet oħra, ibqa’ ġewwa u żomm f’moħħok dawn it-tliet kelmiet – Tbaxxa, Għatti u Żomm Sew.
TBAXXA mal-art fuq idejk u rkupptejk. F’din il-pożizzjoni, tkun ħafna iktar stabbli u xorta waħda tista’ tiċċaqlaq jekk it-terremot mhux qawwi. Mill-banda l-oħra, jekk ikun qawwi, iktar jaqbillek li titbaxxa mal-art minn jeddek milli taqa’ minħabba t-theżżiż.
GĦATTI rasek u għonqok, billi żżomm għonqok b’idejk it-tnejn u tkaxkar taħt xi skrivanija jew mejda soda. Jekk m’hemmx fil-qrib, tkaxkar sa ħdejn xi biċċa għamara baxxa li ma taqax fuqek jew, jekk ma ssibx lanqas hekk, tbaxxa qrib xi ħajt fuq ġewwa (dejjem b’rasek u għonqok mgħottija b’idejk). Żomm ‘il bogħod mill-ħitan ta’ barra (li għandhom iktar ċans li jiġġarrfu) u mit-twieqi (li huma perikolużi minħabba l-ħġieġ). Li kieku kellu jagħmel terremot hawn, iktar hemm ċans li tkorri b’affarijiet li jaqgħu bħal settijiet tat-televixin, libreriji, vetrini bil-ħġieġ u l-fajjenza milli li tmut f’bini li jiġġarraf.
ŻOMM SEW mal-oġġett li qed jagħtik kenn sakemm jieqaf it-theżżiż. Kun lest li tiċċaqlaq malajr, skont il-bżonn.
L-Emergency Fire & Rescue Unit, spjegatilna li l-għan ewlieni wara dawn il-passi huwa li n-nies jipproteġu ruħhom mill-affarijiet li jistgħu jaqgħu.
“Però, li kellu jagħti l-każ li l-bini jaqa’, dawn il-passi xorta waħda se jżidulek iċ-ċans li ssib ruħek f’post fejn tista’ ssalva. Għalkemm huwa impossibbli li wieħed ikun jaf minn qabel liem huma l-postijiet siguri b’mod ċert, b’dawn it-tliet passi f’moħħna jkollna iktar ċans li nsalvaw minn terremot mingħajr ma nindarbu.”