Terremot li l-qawwa tiegħu laħqet l-4.1 fuq l-iskala Richter inħass illejla fix-Xlokk ta’ Sqallija, bejn il-provinċji ta’ Katanja, Sirakuża u Ragusa. Diversi persuni qalu li ħassew dan it-terremot minn pajjiżna wkoll, fosthom mill-Belt Valletta.
L-epiċentru kien 4 km fix-Xlokk ta’ Mazzarrone, f’fond ta’ 10 km. It-theżżiża nħasset b’mod ċar mill-Isqallin, speċjalment fiż-żona ta’ Calatino. Bħalissa m’hemm ebda aħbar ta’ ħsarat: m’hemmx nies midruba u ma saret ebda ħsara lill-binjiet.
Dalgħodu kien irreġistrat terremot ieħor ta’ qawwa ta’ 2.5 f’Paternò, muniċipalità fil-provinċja ta’ Katanja, għall-ħabta tal-4 ta’ filgħodu. F’dan il-każ ukoll it-terremot kien pjuttost superfiċjali (7 kilometri biss). It-theżżiża, għalkemm żgħira u ma kkaġunat ebda ħsara, inħasset minn xi wħud.