Il-Partit Laburista reġa’ mbarka fuq kampanja għas-sħubija fi ħdanu, permezz ta’ membri ġodda jew tiġdid ta’ dawk li huma diġà membri. Permezz tal-kampanja RENEW qed jingħata ċans lil individwi biex ikomplu jkunu parti mill-bidla ta’ pajjiżna.
Il-kampanja, li tnediet mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Randolph De Battista t-Tlieta filgħaxija, tħeġġeġ lil kull min irid ikun parti minn ġejjieni isbaħ għal pajjiżna biex jissieħeb mal-Partit Laburista ħalli, flimkien fl-akbar Moviment politiku, ikompli jikkontribwixxi għall-bidla.
Mal-mikrofonu ta’ ONE, De Battista stqarr kif din il-kampanja, li bdiet is-sena l-oħra, kellha rispons b’saħħtu ħafna.
“RENEW bdejniha s-sena l-oħra u r-rispons kien tajjeb ħafna, għax rajna nies li daħlu għall-ewwel darba fil-Partit laburista, imma wkoll persuni li kienu fil-passat membri tal-Partit u issa reġgħu ssieħbu magħna. U allura rajna li l-Partit Laburista l-ħin kollu jiġġedded.”
Stqarr kif dan hu punt li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela l-ħin kollu jenfasizza fuqu u peress li, bħala Soċjalisti tibqa’ l-imħabba għall-bidla, dik hi waħda mill-qofol ta’ din il-kampanja, jiġifieri li tidħol fil-Partit Laburista biex iġġib il-bidla.
“Proprju għalhekk tissieħeb parti mill-Partit Laburista biex dak l-ideal differenti milli qed tara inti tkun tista’ tressaqhom ’il quddiem u m’għandniex immorru ’l bogħod, il-programm tal-Gvern hu l-elf proposta li ħarġu mill-manifest elettorali. Dak il-manifest elettorali ġie mill-membri tal-Partit u allura għalhekk hu importanti li n-nies jissieħbu magħna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista u Deputat Parlamentari temm jirringrazzja lill-voluntieri kollha li qegħdin iduru Malta u Għawdex biex jilqgħu wkoll is-sħubija jew it-tiġdid tat-tessera mingħand in-nies.
Kull min jixtieq jissieħeb mal-Partit Laburista jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq in-numru 51602034 jew anke sempliċiment jibgħat SMS bin-numru tal-Karta tal-Identità personali fuq 50619275 jew jissieħeb onlajn fuq www.partitlaburista.org.
Wieħed jista’ jissieħeb membru wkoll f’wieħed miċ-ċentri tal-Partit Laburista mferrxin mal-pajjiż jew fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista stess fil-Ħamrun.