Fondi Ewropej li ġejjin mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, l-RRP, se jagħtu l-opportunità lil mijiet oħrajn ta’ individwi u kumpaniji privati li jingħataw rifużjoni ta’ eluf ta’ ewro meta tinxtara vettura elettrika.
Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Chris Fearne, fi żjara li għamel fil-kwartieri tal-MaltaPost, li hi waħda mill-kumpaniji privati li bbenefikat minn dawn il-fondi fl-aħħar xhur.
Hawnhekk ġie spjegat li din l-inizjattiva toffri għotja ta’ €500 għal kull rota elettrika ġdida, minn elfejn ewro sa sitt elef ewro għal kull mutur u ħdax-il elf ewro għal kull karozza jew vann elettriku. Bil-għan ta’ din l-inizjattiva hu li jgħin lil pajjiżna jnaqqas it-tniġġis mit-tniġġis u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja.
F’din iż-żjara fil-MaltaPost ġie spjegat li l-kumpanija xtrat aktar minn 120 vettura elettrika u b’hekk eliminat l-użu ta’ għexieren ta’ karozzi u vannijiet li jaħdmu bil-petrol u d-diesel.
“F’dawn l-aħħar xhur, il-MaltaPost qegħda tibdel il-flotta tagħha, grazzi għal fondi Ewropej biex b’hekk issa l-vetturi tal-MaltaPost huma vetturi li jħammġu inqas. L-istess bħalma qegħdin jagħmlu eluf ta’ kumpaniji u individwi oħrajn, grazzi għal skemi ta’ fondi Ewropej. Dawn l-iskemi din is-sena erġajna ftaħnihom u kull persuna li jixtieq jibdel il-karozza tiegħu u jdaħħal il-karozza li taħdem bl-elettriku, jista’ jieħu għotja li tlaħħaq sa €11,000.”
Id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega li, bl-għajnuna tal-aġenzija Servizzi Ewropej Malta, diversi kumpaniji u individwi jistgħu japplikaw għal din l-iskema, fost oħrajn li ġejjin ukoll minn fondi Ewropej.