L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta reġa’ fetaħ ir-ring road li twassal għall-binja tat-terminal.
Dan wara li f’Marzu r-rotta stabbilita nbidlet temporanjament sabiex il-kumpanija tkun tista’ twettaq xogħlijiet ta’ skavar bi tħejjija għall-bini ta’ link taħt l-art.Il-link ser jifforma parti minn passaġġ li ser jgħaqqad il-parkeġġ il-ġdid tal-kumpanija, li qiegħed jinbena bħalissa, mal-binja tat-terminal, u li mistenni jkompli jiffaċilità l-vjaġġ tal-passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Issa li tlestew il-maġġoranza tax-xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili b’rabta ma’ dan il-link taħt l-art, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser jagħti bidu għall-istadju aħħari fil-bini ta’ dan il-link, li jifforma parti minn proġett usa’ ta’ kostruzzjoni ta’ parkeġġ ġdid b’diversi sulari.
Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett ta’ €20 miljun inbdew fl-aħħar kwart tal-2018. Il-kumpanija, fil-fatt, għamlet progress ukoll fir-rigward tal-bini tal-parkeġġ innifisu, bid-data tat-tlestija fil-mira tkun is-sajf tal-2020.
Il-binja b’diversi sulari ser tipprovdi 1,300 spazju mogħti għall-karozzi fuq il-kampus tal-ajruport, kif ukoll tintroduċi żona ċentralizzata minn fejn jistgħu joperaw il-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi.