Reġgħet infetħet l-iskema li minnha kull sajjied, li għandu bastimenti rreġistrati MFA jew MFB f’ismu, jista’ jgawdi sa massimu ta’ €3,500.
Din l-iskema kienet diġà nfetħet għas-sajjieda s-sena li għaddiet, bil-għan li jittaffa’ l-piż ekonomiku li ħalliet il-pandemija fuq is-settur tas-sajd.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Marsaxlokk, il-Ministru responsabbli mis-sajd, Anton Refalo, tenna kif mill-ewwel skema, li kienet tammonta għal €800,000, kienu gawdew ftit aktar minn 500 sajjied, li applikaw b’kollox għal kważi €690,000 f’għajnuna finanzjarja mill-Gvern.
“Rajna li kien hemm 150 oħra li għadhom ma bbenefikawx allura erġajna ħriġna l-iskema biex il-kumplament ta’ €800,000 basta naturalment ma jkunux diġà gawdew mill-ewwel skema u għandhom il-bastiment tagħhom MFA u MFB.”
Il-kumplament tas-sajjieda li ma kinux applikaw, issa jistgħu jagħmlu dan sal-aħħar ta’ Frar.
Intant, Dennis Calleja, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Akwakultura spjega x’wassal biex issir din l-iskema.
Saħansitra qed terġa’ tinfetaħ biex kull sajjied jingħata l-għajnuna u jitnaqqas it-telf li ġarrab kawża tal-effetti tal-pandemija li wasslet għal nuqqas fid-domanda għal ħut u frott tal-baħar.
“Għamilna diversi interviews anke mas-sajjieda, rajna u tkellimna mas-sajjieda tagħna biex naraw x’kien dan l-impatt u għaldaqstant wasalna f’konklużjoni li nikkalkulaw li kull sajjied kellu telf ta’ madwar 98ċ fuq kull kilo li min-naħa tiegħu kien ibigħ.”
Is-sajjieda li ma gawdewx mill-iskema se jkunu qed jirċievu l-applikazzjoni bil-posta fiż-żmien li ġej.