L-Unjoni Ewropea se terġa’ tintroduċi r-regola li likwidi mtella’ fuq titjiriet kummerċjali ma jeċċedux il-mitt millilitru.
Din id-deċiżjoni qed tittieħed tliet xhur wara li r-Renju Unit ukoll reġa’ daħħal din ir-restrizzjoni, inkluż f’ajruporti mgħammra bl-aħħar teknoloġija li għamluha possibbli biex tali restrizzjoni ma tibqax fis-seħħ.
Għaldaqstant, qiegħed ikun imwissi li din ir-rintroduzzjoni se ssarraf f’aktar dewmien għall-passiġġieri hekk kif se jkun qed jitnaqqas l-ammont ta’ persuni li jistgħu jgħaddu mis-sigurtà fl-ajruport f’perjodu ta’ ħin.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet kif din il-miżura qed terġa’ tiddaħħal bħala prekawzjoni biex tindirizza intoppi tekniċi, raġuni simili għal dik li ngħatat mill-awtoritajiet Brittaniċi.
Din il-miżura se tkun qed tidħol fis-seħħ fl-ewwel ta’ Settembru, bil-passiġġieri se jerġgħu jibdew jintalbu joħorġu l-likwidi li jkollhom fil-bagalji li jġorru magħhom. S’issa għadu mhux magħruf meta din il-miżura se tiġi kkunsidrata biex titneħħa.