Jgħidulha li fiha daqs nitfa imma mbagħad terfa’ piżijiet kbar.
Din hija Tenishia Thornton, żagħżugħa ta’ 14-il sena b’saħħitha ħafna u li qed tagħmel suċċess fl-isport tal-weight lifting.
Iż-żagħżugħa minn Wied il-Għajn, rebħet bosta midalji fosthom żewġ midalji ta’ deheb.
Dan hekk kif saret l-ewwel weightlifter Maltija li laħqet il-livell tal-Platinum fil-klassifika tal-Assoċjazzjoni nazzjonali tal-Weightlifitng.
L-interess fuq din it-tfajla li min jaf kemm għad nisimgħu iżjed biha wassalna biex inżuruha waqt it-taħriġ intensiv li tagħmel biex tkompli timraħ f’dan l-isport.
Thornton stqarret ma’ crew ta’ ONE News: “Jien missieri jagħmel il-crossfit, u l-crossfit huwa magħmul mill-gymnasticks weightlifitng u athletetics hem ħafna sports. Meta kont żgħira kont dejjem immur miegħu il-gym biex noqgħod nagħmel bħalu. Darba kellu kompetizzjoni tal-crossfit u ltqajna mal-Predisent jesmond caruana u konna tkellimna miegħu biex nibda dan l-isport u bqajt għax ħassejtu li huwa l-isport għalija.”
Minkejja s-suċċessi kbar li qed tagħmel din it-tfalja, fejn kissret bosta rekords nazzjonali tal-juniors, Thornton hija konxja tal-ħsibijiet immirati lejha anki minħabba l-età żgħira u l-fatt li hija tfajla.
“Anke meta joħorġu sħabi dejjem jgħiduli se tagħmel ħajtek hekk ma toħroġx mal-ħbieb, imma għalihom l-iżvog tagħhom huwa li joħorġu u tiegħi nagħmlu hawn għax vera jogħġobni”, sostniet Thornton.
Din is-sena, Tenishia kklassifat l-ewwel fil-Grand Prix Internazzjonali tan-Nisa fis-Slovenja u rebħet il-bronż fit-tazza Ewropeja tal-weightlifting fl-Irlanda.
F’dan l-isfond wasslet messaġġ anki lill-atleti femminili li jkunu jeħtieġu iżjed kuraġġ biex ikomplu: “Jien inħeġġiġhom biex jiġu jipprovawh, għaliex huwa vera sports sabiħ. Fil-verità bħalissa n-nisa qed jiddominaw, jien qiegħda l-ewwel post ta’ kull età u anke tal-irġiel, it-tieni post hemm Yasmine Zammit Stephans u tielet hemm Kim Camilleri Lagana, jiġifieri n-nisa qed jiddominaw.”