L-establishment Nazzjonalista għaddej b’tentattivi li jwaqqaf l-ewwel rawnd għall-elezzjoni għal Kap tas-Sibt li ġej.
Sorsi qrib id-Dar Ċentrali żvelaw lil ONE News li l-klikka li qed toħnoq il-Partit Nazzjonalista trid li tipposponi jew twaqqaf l-elezzjoni tas-Sibt.
Dan wara li l-votazzjoni bikrija diġa bdiet u s-Sibt li għadda vvutaw mija tmienja u għoxrin kunsillier minn madwar iżjed minn disa’ mitt kunsillier.
U sabiex tkompli titħabbel il-kobba, hu mifhum li żewġ kandidati minn fost l-erba’ kontestanti għal Kap huma lesti li jieħdu l-Partit Nazzjonalista l-Qorti.
Dan wara li dehrilhom li l-elezzjoni għal Kap m’hiex ħielsa u huwa ċar li hija mbagħbsa.
Filfatt fuq il-profil tiegħu ta’ facebook, il-kandidat Frank Portelli kiteb li l-elezzjoni għal kap hija mbagħbsa.
Intant il-Kandidat ghal kap tal partit nazzjonalista Adrian Delia tpogga taht investigazzjoni. Dan wara lill-kunsill amministrattiv tal-istess partit iltaqa b’ urgenza it-tnejn filghaxija fejn iddiskuta l-allegazzjonijiet tal-Blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia fil-konfront ta’ Delia.
Għalhekk il-Kunsill Amministrattiv iddeċieda li jirreferi dan il-każ lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġieba u Etika. Kumitat magħmul minn persuni qrib sew tal-Partit Nazzjonalista u l-‘Establishment’ bħall-eks ministru Louis Galea, u l-Professur Maryanne Lauri li fl-aħħar kampanja elettorali saħansitra ndirizzat mass meeting tal-partit nazzjonalista.
Wara laqgħa li damet aktar minn sagħtejn u għalija attenda l-Kap Caretaker Simon Busuttil, dan ma kellu l-ebda kummenti dwar dak diskuss f’ din l-istess laqgħa.
Iżda sorsi qrib id-Dar Ċentrali qed jgħidu aktar minn qabel li qed isiru manuvri biex Simon Busuttil jibqa’ Kap.