AĠĠORNAT 21:05- L-atmosfera fl-istamperija f’Tal-Pietá hija waħda tqila u mimlija tensjoni hekk kif ilejla qed jitlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Din il-laqgħa ntalbet sabiex titlaqqa’ b’urġenza minn Louis Galea fi stqarrija li aktar kmieni din il-ġimgħa bagħat lill-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione u lill-kmamar tal-aħbarijiet kollha ta’ pajjiżna.
Qabel il-laqgħa, Jason Azzoppardi, li huwa l-moħħ tas-17 blue heros ġie mgħajjar minn esponent ta’ Adrian Delia liema esponent kellu jinżamm mill-uffiċjali tas-sigurtá qrib ħafna ta’ Adrian Delia. Waqt l-istess argument, il-ġurnalisti li bħalissa jinsabu miġbura quddiem id-Dar Ċentrali semgħu wkoll lil Jason Azzopardi allegatament jinstiga lill-istess raġel waqt li kien qed jistenna l-lift.
Filmat: Newsbook
AKTAR QABEL: Tard it-Tnejn filgħaxija l-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, ħarrxet il-gwerra kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Fi ġlieda kbira għall-poter, id-deputat Jason Azzopardi ppubblika ritratt bi 17-il persuna fil-grupp parlamentari li qal li kienu kontra Delia. Huwa sejħilhom, is-17-il eroj blu.
Id-Deputat li Azzopardi ddeskrivihom bħala eroj huma: Claudette Buttigieg, Kevin Cutajar, Karl Gouder, Therese Comodini Cachia, Mario de Marco, Toni Bezzina, Marthese Portelli, Karol Aquilina, Roberta Metsola, Claudio Grech, Ryan Callus, Beppe Fenech Adami, Simon Busuttil, Chris Said, Stephen Spiteri, Jason Azzopardi u David Casa.
Il-kitba ta’ Azzopardi ma niżlet ħażin ħafna ma’ mijiet ta’ tesserati Nazzjonalisti li akkużawhom li jridu jeqirdu partit għall-interessi tagħhom u sejħulhom tradituri.
Min-naħa l-oħra l-partitarji ta’ Busuttil ħeġġewhom biex it-Tlieta, fil-Parlament jressqu vot ta’ sfiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni.
12-il siegħa wara dan il-messaġġ, id-deputat Stephen Spiteri besqilhom mis-sunnara u ċaħad li kien jagħmel parti mill-grupp ta’ 17.
Ma’ The Malta Independent, qal li f’dan l-istadju ħadd mid-deputati ma jista’ jqis lilu nnifsu eroj. Qal li hu jimxi mal-linja tal-partit u ma jixtieqx li jkun parti minn grupp li għamlu kolp ta’ stat kontra l-Kap għax qal li dik mhix it-triq ‘il quddiem.
Tal-stess fehma id-deputat Ivan Bartolo li ma riedx jieħu sehem f’dan it-terremot li riegħed mill-ġdid il-Partit Nazzjonalista. Qal li jekk tmur kontra ir-rieda tat-tesserati u toħroġ tikkritka l-Kap tiegħek ma tkunx eroj.
Bartolo qal li hu ma riedx u ma vvotax lil Delia biex isir Kap. Iżda fakkar li Delia għadda minn tliet testijiet elettorali. Hawnhekk staqsa fejn hi d-demokrazija fil-Partit Nazzjonalista.
Is-seduta parlamentari tat-Tlieta kienet okkażjoni oħra li ħarġet fid-deher il-qasma fil-Partit Nazzjonalista.
Adrian Delia qam jagħmel intervent ta’ ftit minuti iżda warajh ma kien hemm ħadd, ħlief David Agius, Robert Cutajar, Maria Degura u Hermann Schiavone.
Id-deputati tas-17 blue bdew deħlin fil-Parlament xħin Delia spiċċa l-intervent tiegħu.