Il-preżenza tal-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius għall-inawgurazzjoni tal-uffiċini l-ġodda tal-Kunsill Lokali tal-Belt f’dak li kien il-cafe premier wassal għall-qasma ġdida fost il-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
F’chat group tal-grupp parlamentari Nazzjonalista, għadd ta’ deputati bagħtu messaġġi jistaqsu dwar il-preżenza ta’ Agius waqt l-inawgurazzjoni l-Ġimgħa li għadda.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu mal-gazzetta The Times of Malta li l-azzjoni tas-Sur Agius wasslet biex għal darb’oħra tqajjem tensjoni kbira fil-grupp parlamentari.F’diksussjoni fuq Whatsapp, id-deputat Nazzonalista Clyde Puli, wieġeb għall-kritika li saret minn għadd ta’ deputati qrib Simon Busuttil dwar il-preżenza ta’ David Agius fl-inawgurazzjoni. Qalilhom li Agius ma kienx qed jipprova jingħoġob mal-Ministru Owen Bonnici u fakkarhom li fi żmien l-ex kap Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista ma opponiex li dan is-sit jingħata lill-kunsill tal-Belt immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista. Staqsiehom għaliex issa qegħdin jgħidu li għandhom ikunu kontra, meta fil-leġislatura li għaddiet ħadd minnhom ma tkellem kontra li l-kunsil tal-Belt jibda jopera minn dak li kien il-cafe premier. Bi tweġiba, l-eks viċi kap Nazzonalista Beppe Fenech Adami qal li huwa kien qiegħed biss iwassal il-messaġġ li l-preżenza ta’ Agius waqt l-inawgurazzjoni ma niżlitx tajjeb man-nies. Qallu li jekk iħares lejn il-kummenti tan-nies fuq il-websites tal-aħbarijiet, ikun biżżejjed għalih biex jifhem.
B’ironija, is-Sur Puli staqsa jekk il-Partit Nazzjonalsita għandux jivvota wkoll kontra d-djar li l-Gvern se jibni bil-flus taċ-ċittadinanzna b’investiment.
Il-qiegħa kompliet tisħon bit-tweġiba tad-deputat Nazzjonalista Ryan Callus. Huwa qal li ma jiftakar qatt li l-Partit Nazzjonalista jgħid li s-sit għandu jingħata lill-kunsill lokali tal-belt. Id-deputat Nazzjonalista żied li ma kienx kuntent ukoll bil-mod kif is-Sindku tal-Belt Alexie Dingli ħalla lill-Ministru Owen Bonnici jużah.
It-tensjoni fil-grupp tant kibret li s-Sur Callus talab lil Puli biex jikkalma. B’reazzoni Puli assigurah li hu kien kalm ħafna għax f’dak il-ħin kien qiegħed ixarrab gerżumtu b’cocktail fid-Dolomiti.
Dan ma kienx l-uniku diżgwid li nħoloq fil-Partit Nazzjonalista. Fuq Facebook, David Griscti Ċermen tal-AZAD u qrib ħafna ta’ Simon Busuttil tella’ ritratt tal-Cafe Premier u f’botta ċara lit-tmexxija preżenti tal-partit, qalilhom li meta tarmi ruħek, il-konsistenza u l-kredibbiltà, tkun tlift kollox.
Kompla miegħu Paul Borg Olivier u semma lis-Sindku tal-Belt. Qal li l-belt minn waħda umilissima spiċċat umiljata. B’reazjoni, il-viċi sindku nazzjonalista tal-Belt Chistian Micallef ma qabilx u sostna li l-Gvern fehem dak li r-rappreżentanti tar-residenti kienu qed jitolbu, jiġifieri post ċentrali minn fejn joperaw.
Dan id-diżgwid kien rifless ukoll fi stqarija li l-Partit Nazzjonalsita kien kostrett joħroġ sagħtejn wara l-inawgruazzjoni u li matulha tkellem b’mod ċar kif dan il-proġett kien suċċess. Madankollu lanqas kienu għadhom għaddew sagħtejn li l-Partit Nazzjonalista ma ħariġx stqarrija jattakka lill-Gvern bil-għan li jipprovaw ipaċu xi ftit mal-klikka ta’ Busuttil li ħarġet qatta’ bla ħabel kontra l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista.