Kumitat tal-Kungress Amerikan qed jagħmel pressjoni fuq il-White House sabiex tipprovdi informazzjoni sħiħa u dettaljata jekk kien hemm xi uffiċjali fil-binja presidenzjali li kontijiet tal-posta elettronika privati għal korrispondenzi uffiċjali.
L-investigazzjoni bdiet wara li kemm bint il-President Amerikan, Ivanka Trump, kif ukoll ir-raġel tagħha Jared Kushner, li huwa konsulent għoli fil-White House ammettew li għamlu hekk. Il-gazzetta New York Times irrapportat ukoll li ħames uffiċjali oħra fil-White House wkoll użaw kontijiet privati tal-posta elettronika.
Għalkemm għad m’hemm l-ebda prova li l-persuni implikati qasmu informazzjoni ta’ valur għoli, dan xorta waħda jmur kontra l-liġi federali Amerikana.
Skont din il-liġi uffiċjali fil-White House jistgħu jużaw kontijiet privati tal-posta elettronika, iżda jekk fil-messaġġi mibgħuta jkun hemm informazzjoni li tinvolvi l-gvern Amerikan ikun hemm bżonn tintbgħat kopja tal-korrispondenza fil-kontijiet tax-xogħol għal finijiet ta’ trasparenza.
Din il-kwistjoni qajmet ħafna kritika kontra l-amministrazzjoni ta’ Trump, wara li fl-elezzjoni għall-ħatra presidenzjali kien anke hedded li jitfa’ lill-avversarju tiegħu, Hilary Clinton, il-ħabs fuq akkużazzjonijiet simili.