It-tennista svizzeru Roger Federer ħabbar li se jirtira mit-tennis wara karriera ta’ 24 sena.
Permezz ta’ messaġġ fil-profil tiegħu fuq Instagram, Federer qal li hekk kif dawn l-aħħar tliet snin kellu sensiela ta’ problemi fiżiċi, ħass li wasal iż-żmien li jieqaf. Ħabbar li t-turnament għal-‘Laver Cup’ f’Londra l-ġimgħa d-dieħla se jkun l-aħħar wieħed tiegħu.
Fl-istess messaġġ Federer qal li l-iktar ħaġa li se jibqa’ jgħożż, wara dawn l-24 sena fit-tennis internazzjonali, hija l-imħabba li tah il-pubbliku.
Mill-2020 ‘l hawn Federer ħa sehem biss fi tlieta mill-ħdax il Grand Slam organizzati minħabba problemi f’irkopptu. L-aħħar logħba tiegħu kienet fit-turnament ta’ Wimbledon ftit tax-xhur ilu.
Roger Federer, li għandu 41 sena, rebaħ 20 Grand Slam u mal-103 titlu matul il-karriera brillanti tiegħu.