It-tennisti maltin Francesca Curmi u Elaine Genovese rebħu l-kompetizzjoni tad-doppji waqt it-turnament ITF W25 f’Vigo, Spanja.
Il-maltin bdew l-impenji tagħhom b’rebħa kontra l-koppja minn Iżrael Ofer Kitity u Keren Mor, bi skor ta’ 6-2, 6-0.
Fil-kwartifinali Curmi u Genovese għelbu lil Jessica Hinojosa Gomez u Michika Ozeki tal-Ġapun bi skor ta’ 6-7, 7-5, 10-8.
Huma b’hekk għaddew għas-semifinali kontra l-koppja russa/amerikana Elizaveta Koklina u Ashley Lahey. Hawnhekk il-maltin kienu fi klassi għalihom u ħarġu rebbieħa 6-2, 6-2.
Fil-finali Curmi u Genovese iltaqgħu kontra l-ġermaniża Kathleen Kanev u d-daniża Olga Helmi, bil-maltin jerġa’ ikollhom wirja kbira u ħarġu rebbieħa 6-0, 6-3.
Għal Curmi u Genovese ir-rebħ f’dan it-turnament jiżdied ma’ aktar suċċessi li kellhom din is-sena, bil-qofol ikun ir-rebħ tal-midalja tal-fidda waqt il-Logħob tal-Mediterran fl-Alġerija f’Ġunju li għadda.