Il-weightlifter Tenishia Thornton u l-għawwiem Neil Agius rebħu l-unuri ta’ sportivi tas-sena meta s-sibt filgħaxija saret is-serata finali tal-65 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali.
Fl-2024, Thornton kellha sena eċċezjonali meta rebħet tliet midalji tad-deheb fil-European Small Nations Championships. Rebħet deheb ukoll fil-European Union Championships fil-kategorji overall u kadetti. Apparti dan hija rebħet id-deheb fil-Women’s Grand Prix u temmet il-ħames fit-Tazza tad-Dinja. Hija temmet ukoll is-sena 2024 fid-disa’ post tar-rankings tad-dinja.
Min-naħa tiegħu Neil Agius waqqaf rekord dinji meta għam id-distanza ta’ 142.3km fil-baħar miftuħ f’ħin ta’ 60 siegħa 35 minuta u 4 sekondi.
Waqt is-serata, saru diskorsi qosra tal-okkażjoni mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni l-Onor Clifton Grima u l-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) Clinton Buhagiar Preżenti wkoll il-mistieden speċjali internazzjonali Esteban Herrault u l-Presidenti Onorarji Fr Hilary Tagliaferro, Charles Camenzuli li huwa wkoll il-President tal-AIPS Europe u Sandro Micallef.
Għal darb’oħra tliet ġurnalisti sportivi veterani ġew inklużi fil-Hall of Fame tal-Għaqda Ġurnalisti Sports: l-ewwel Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Kittieba Sports Joe Cutajar, il-mibki Colin Cauchi u Mario Saliba li għadu attiv fil-media sportiva lokali.
Din is-serata kienet organizzata mill-Għaqda Ġurnalisti Sports, bl-appoġġ sħiħ tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni.
Waqt din is-serata finali li kienet ippreżentata mis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Lorraine Cunningham u Mario Bonnici ġew mqassma 12-il unur; b’sebgħa fuq votazzjoni tal-ġurija, il-People’s Choice Award fuq vot popolari tal-pubbliku, l-Avveniment Internazzjonali tas-Sena u l-iSport for Social Change Award magħżula mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u tnejn fuq suġġeriment ta’ Special Olympics Malta.

Ir-rebbieħa kollha fl-Għażliet Sportivi Nazzjonali kienu dawn:
Sportiv tas-Sena: Neil Agius (Open Water Swimming)
Sportiva tas-Sena: Tenishia Thornton (Weightlifting)
Żagħżugħ tas-Sena: Jake Castaldi (Pool)
Żagħżugħa tas-Sena: Kim Camilleri Laganà (Weightlifting)
Kowċ tas-Sena: Milan Ćirović (Water Polo)
Uffiċjal tas-Sena: Karl Izzo (ASA)
Team tas-Sena: Pool Men’s National Team Under-18 (Kampjonati tad-Dinja)
People’s Choice Award: Gianluca Chetcuti (Trap Shooting)
International Sports Event of the Year: Final 4 European Water Polo Champions League (ASA)
Sport for Social Change Award: Ħamrun Ħanin
Special Olympics Athlete Man Award: Alec Falzon (Atletika)
Special Olympics Athlete Woman Award: Maria James (Għawm)
Hall of Fame: Joe Cutajar, Colin Cauchi and Mario Saliba

















(Photo Credit: Nicholas Falzon)