Id-duo Tenishia ħadu toroq differenti. Kien Cyprian Cassar li ħabbar dan fuq facebook meta kiteb kif kienu ħafna li nnotaw kif hu u Joven ħadu toroq differenti.
Bħala duo għamlu suċċessi kbar u l-fatt li dan l-aħħar ma bdewx jidhru tant flimkien qanqal numru ta’ mistoqsijiet li wieġeb għalihom Cyprian.
“Dan mhux kellna xi ngħidu, imma għar-raġuni unika li wasalna f’punt fejn inħossu li indiviwalment nistgħu nikkontribwixxu aktar fid-dinja tal-mużika.”
Cyprian Cassar qal li telaq minn Tenishia biex jibda proġetti mużikali mhux biss fil-ġeneru tal-elettronika.
“Bit-talenti tiegħi se jkolli ċans li ngħin lil, u nikkolabora ma’ artisti mużikali lokali ta’ kull ġeneru,” kiteb Cyprian. Qal li Joven issa se jitfa’ l-enerġija kollha tiegħu biex ikabbar il-proġett Tenishia.
“Kienet deċiżjoni iebsa iżda fl-aħħar nett ġusta. Għalhekk, minn naħa tiegħi inħeġġiġkom biex tkomplu temmnu fina t-tnejn,” qal Cyprian fil-kumment tiegħu.
Ritratt: Brian Grech