Nhar il-Ħadd 16 ta’ Ġunju, id-DJ internazzjonali Malti Tenishia, ser ikun qed itella attività innovattiva fil-qalba tal-Port il-Kbir, sewwa sew fuq is-swar storiċi tal-Forti Sant’Anġlu, fil-Birgu. Din ser tkun qed tippromwovi il-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna, permezz tal-mużika elettronika, flimkien ma’ viżwali, li jesebixxu id-diversi karatteristiċi tal-Port il-Kbir.
Bl-isem ta’ Chasing Sunsets – DJ Exhibition, l-attività ser tilħaq il-qofol tagħha taħt il-kuluri dehebin ta’ nzul ix-xemx, flimkien mal-veduti spettakolari tal-Port il-Kbir, akkumpanjati minn melodiji ta’ mużika elettronika mid-DJ Malti, Tenishia.
Bl-għajnuna tal-pjattaforma ta’ Let’s Get Live, il-mira ta’ din l-attività hija li għal dawk kollha li jkunu qed isegwu minn fuq l-midja soċjali, ser ikollhom ċ-ċans li japprezzaw taħlita ta mużika, kultura u storja, imżewqa b’informazzjoni permezz ta’ live stream partikolari.
Chasing Sunsets diġà għandha l-appoġġ minn Cisk, u qajmet l-interess ta’ Heritage Malta u Arts Council Malta, li t-tnejn xerrdu l-posts ta’ Tenishia fuq Instagram. Din l-attività ser tkun l-ewwel waħda minn serje ta’ attivitajiet simili minn Tenishia, li permezz tal-midja soċjali tiegħu, ser ikun qed iwassal il-kultura ta’ pajjiżna lil diversi segwaċi Maltin,u barranin b’mod artistiku u innovattiv.