F’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u d-DJ internazzjonali Malti Tenishia, tim sħiħ ta’ produzzjoni televiżiva qiegħed jaħdmu fuq l-aħħar tħejjijiet biex jinġibdu xeni għall-programm televiżiv li ser jintwera s-sena d-diehla fuq ONE TV.
ONE News tkellem ma’ Joven Grech, fejn tagħna togħma żgħira dwar dan il-programm. Hu qalilna: “Il-mira hija li noħolqu l-kuntrasti u nuru, anzi għamilt enfasi li fil-programm jintwera mhux l-affarjiet it-tajbin biss imma l-affarijiet ħżiena wkoll għax l-affarjiet qatt ma jiġu plain sailing, speċjalment f’dawn it-tip ta’ karriera tal-mużika. ħafna nies jaħsbu li tmur idoqq u kullħadd jdur bik imma jinsew is-sagrifiċċju li tkun għamilt qabel.”
Ir-Reality Show ser isegwi l-ħajja ta’ Joven fejn narawh jivvjaġġa f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, fl-ajruporti, f’lukandi lussużi u f’diskoteki ewlenin.
Dawn kollha f’kuntrast mal-ħajja normali ta’ kuljum, il-ħajja fl-istudio, d-dar mal-familja u xi praspura mal-ħbieb.
Min-naħa l-oħra l-programm se juru wkoll il-bijografija u l-istorja ta’ kif tifel mil-Kottonera wasal biex jilħaq il-ħolm tiegħu, jikseb segwaċi internazzjonali, u jasal biex idoqq fl-aqwa festivals u diskoteki fid-dinja.
L-istorja hija akkumpanjata b’intervisti ta’ nies li b’xi mod jew ieħor ħadmu spalla ma’ spalla ma’ Joven li f’pajjiżna għamel rivoluzzjoni fil-klabbs Maltin u ispira ħafna żgħażagħ għall-mużika elettronika.
Bħalissa it-tim tal-produzzjoni qiegħed ifittex diversi atturi li jixbhu lil Joven f’diversi etajiet, kif ukoll atturi oħra li għamlu parti minn ħajjet dan id-DJ Malti li f’ħajtu għamel suċċess li għandu lkoll jagħmilna kburin.