Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħarġet tender ta’ erba’ miljun ewro biex ittejjeb il-faċilitajiet ta’ ħażna tagħha.
Il-Korporazzjoni bħalissa tuża stores magħmula minn ġibjuni kkonvertiti u huts fil-limiti ta’ Wied il-Kbir f’ Ħal Qormi.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-Korporazzjoni kibret wisq għall-użu ta’ din il-faċilità u l-operazzjonijiet tagħha u hemm ħtieġa li tintroduċi proċeduri diġitali u moniteraġġ aktar strett tal-istokk.
Huwa spjega: “Il-proġett jikkonsisti f’bini ta’ żewġ warehouses ta’ elf metru kwadru kull wieħed biex ikun jista jiġi storjat l-apparat kollu li għandha l-WSC u anke spare parts li jkunu jistgħu jinżammu b’mod diġitali, mod iktar modern kif suppost għandu jinżamm store.”
Il-faċilità l-ġdida se ssir f’sit eżistenti tal-korporazzjoni fiż-żona Industrijali ta’ Bulebel. Is-sit hu kbir madwar 7,500 metru kwadru biswit il-ġibjun taħt l-art tan-New Water.
Il-ġibjun se jinżamm u numru ta’ titjib strutturali huma wkoll inklużi fit-tender.
Iż-żewġ imħażen se jinbnew b’għoli ta’ 12m. Waħda minnhom se tinqasam f’żewġ livelli biex b’hekk jiżdied spazju addizzjonali ta’ art ta’ madwar 700 metru kwadru.
Il-Ministru Farrugia sostna: “Il-WSC tkun tista’ tittoppja l-ispare parts u l-affarijiet l-oħrajn kollha li jkollha bżonn meta tara li fl-istores qed tinżel l-ammont ta’ affarijiet li huma storjati.”
Is-sit se jinkludi wkoll faċilitajiet ta’ parkeġġ, żona ta’ ħażna fuq barra u tisbiħ periferali. Il-bjut taż-żewġ unitajiet se jintużaw għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi li se jkunu s-suġġett ta’ offerta separata.