Fid-diskors tal-baġit, bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’, tħabbar li fix-xhur li ġejjin, se joħroġ it-tender għat-tkabbir tad-Dipartiment tal-Emerġenza u tat-Taqsima għall-Kura Intensiva.
Dan filwaqt li se jiġu allokati €14-il miljun biex jonqsu b’mod sinifikanti l-listi ta’ stennija għal ċerti operazzjonijiet. Fil-fatt, bi ftehim mal-privat, l-operazzjonijiet se jiżdiedu b’aktar minn 5,000.
Is-servizzi tas-saħħa se jkomplu jiġu estiżi, fost l-oħrajn, permezz tal-introduzzjoni ta’ Infermier Navigatur, Kamra Multisensorja f’Dar Kenn Għal Saħħtek, l-introduzzjoni ta’ screening nazzjonali għat-tfal minn 18-il xahar ’il fuq u li għandhom sfidi ta’ komunikazzjoni, u pjani biex l-iscreening nazzjonali kollu jiġi ċentralizzat.
Dan filwaqt li se jiġu introdotti servizzi ta’ terapija għal pazjenti milquta minn ċerti tipi ta’ kanċer.
Se jiġu introdotti wkoll servizzi ta’ Occupational Therapy fil-komunità, filwaqt li dan se jiġi pprovdut saħansitra fl-iskejjel biex l-iżvilupp tat-tfal bi bżonnijiet varji jkun jista’ jiġi indirizzat b’mod aktar dirett.