F’Jannar, it-tieni xahar tax-xitwa, niżlu 42.1mm ta’ xita inqas min-norma klimatika. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn ingħad li t-temperaturi f’dan ix-xahar kienu ogħla mill-medja.
Fil-fatt, l-ogħla temperatura li telgħet tul ix-xahar li għadda kienet ta’ 24.5°C, proprju fit-18 ta’ Jannar, filwaqt li l-inqas li niżlet kienet 6.7°C fit-23 ta’ Jannar.
B’hekk ix-xahar li għadda kien ukoll 1.2°C aktar sħun min-norma, bit-temperatura medja tkun dik ta’ 14.1°C.
L-aktar temperatura sħuna tax-xahar fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku tibqa’ dik ta’ tliet snin ilu, meta f’Jannar 2021 l-ogħla temperatura telgħet sa 25.8°C. Min-naħa l-oħra, Jannar tal-1981 iżomm ir-rekord tal-aktar temperatura baxxa mkejla matul dan ix-xahar, meta l-merkurju niżel sa 1.4°C.
Intant, matul ix-xahar li għadda, tkejlu biss 37.3 mm ta’ xita, filwaqt li ġew irreġistrati jumejn li fihom il-gżejjer Maltin intlaqtu minn maltempati bis-sajjetti u ġurnata waħda li fiha niżel is-silġ.
Madankollu Jannar kien ukoll iżjed xemxi mis-soltu, tant li matul ix-xahar tkejlu mija u wieħed u tmenin siegħa xemxin, jiġifieri ħdax punt ħames sigħat xemxin aktar min-norma klimatika.
Għall-kuntrarju ta’ ġranet li esperjenzaw medja ta’ ħamsa punt tmin sigħat xemxin, il-11 ta’ Jannar kien l-aktar jum imdallam, hekk kif ra inqas minn siegħa waħda xemxija.
Il-qawwa medja tar-riħ kienet ta’ 9.0 knots; jiġifieri kważi fl-istess livell tan-norma klimatika ta’ 8.9 knots. Is-sitt u s-seba’ jum ta’ Jannar kienu l-aktar mirjieħa, tant li fiż-żewġt iġranet, kienet imkejla buffura li laħqet is-47 knot.
Imbassar temp instabbli għall-Karnival
Sadanittant, it-tbassir għal dawn il-jiem tal-Karnival, juri temp instabbli u bir-riħ, partikolarment il-Ħadd.
L-istess stqarrija tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qalet kif ir-riħ mistenni jitqawwa bejn illum u għada u jibqa’ ftit qawwi għal qawwi fil-jiem ta’ wara.
Għal Ħadd il-Karnival, it-temp mistenni li jkun imsaħħab, b’ħalbiet tax-xita li jistgħu jkunu bir-ragħad u bil-buffuri tar-riħ.
Dan se jwassal biex it-temperatura tinżel xi ftit, bl-ogħla titla’ sa 17°C u tinżel għal 11°C matul il-lejl. It-Tnejn u t-Tlieta, l-aħħar jumejn tal-Karnival, ukoll mistennija jkunu kkaratterizzati b’temp instabbli u bir-riħ.