Inġiniera u tekniċi tal-Enemalta matul il-lejl għamlu xogħol b’urġenza biex isewwu ħsarat f’cable taħt l-art tal-Enemalta li kkawża qtugħ fil-provvista tal-elettriku f’partijiet fin-Naxxar, Ħal Għarghur, l-Mosta u Ħal Lija.
Fi stqarrija, l-Enemalta spjegat kif f’xi bnadi f’dawn il-lokalitajiet, il-provvista diġà ġiet lura wara ftit għax bin-network tad-distribuzzjoni kien possibbli li l-provvista tal-elettriku tingħata minn sub-stations oħra.
Intqal kif il-kawża tal-ħsara għadha qed tigi investigata, għalkemm huwa maħsub li din setgħet ġiet ikkawżata minn varjazzjoni qawwija tat-temperaturi li toħloq pressjoni fuq il-cables ta’ taħt l-art.
L-Enemalta avżat ukoll li mhux eskluż li jkun hemm xi interruzzjonijiet qosra fil-ħin li ġej u se tara li tindirizza mall-ewwel kwalunkwe ħsarat.
Filwaqt li l-Enemalta skużat ruħha għal kull inkonvenjent ikkawżat minn dan il-qtugħ, qalet li bħalissa għandha biżżejjed provvista tal-elettriku biex tlaħħaq mad-domanda u l-interruzzjonijiet li kien hemm kienu lokalizzati.