Minn nhar il-Ġimgħa li ġej se nibdew nesperjenzaw temperaturi xi ftit iktar friski hekk kif l-ogħla temperatura mistennija tilħaq 15-il grad Celsius, dakinhar hi prevista xita matul il-ġurnata kollha wkoll. Irrapporta dan is-sit tal-bassara tat-temp indipendenti FirstMalta.com.
L-ogħla temperatura matul il-ġurnata bħalissa qegħda tilħaq madwar 20C. Dan kien qed ikun ikkawżat minn temperaturi għolja li oriġinaw mill-Afrika u baqgħu jippersistu fuq il-gżejjer Maltin. Il-medja għall-Jannar hija ta’ 15C, dan ifisser li s’issa t-temperaturi kienu 5C iktar mill-medja, iżda fl-aħħar jidher li s-sitwazzjoni se tinqaleb.Dan hekk kif massa ta’ arja kiesħa se tersaq lejna mit-tramuntana tal-Ewropa fil-ġranet li ġejjin. Din mistennija tkisser il-massa ta’ arja sħuna li qed taffetwana bħalissa u ġġib temperaturi ħafna iktar viċin dak li s-soltu nesperjenzaw f’dan iż-żmien tax-xitwa.
It-temperaturi jiffriskaw xi ftit minn nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Jannar, hekk kif it-temperatura se tinħass 11C matul il-ġurnata.
Filwaqt li fil-ġranet ta’ wara se naraw temperaturi li jvarjaw bejn 15C u 16C matul il-ġurnata u viċin id-9C mal-lejl.
Din l-arja friska li se tinżel minn fuq l-Ewropa mistennija wkoll tnaddaf l-atmosfera fuq il-gżejjer Maltin mit-trab fin li qed jaffetwana bħalissa u li twassal fuqna ftit ġranet ilu minħabba r-riħ qawwi li oriġina mix-Xlokk u ġarr ammont kbir ta’ ramel mid-deżert Saħara u laħħaq saħansitra saċ-ċentru tal-Italja.