It-temp għall-aħħar tas-sena mistenni li jkun imsaħħab u xott, b’temperatura grad celsius iktar min-norma klimatika għal dan iż-żmien tas-sena.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Meteoroloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li nnota kif lejlet l-Ewwel tas-Sena, it-temp mistenni li jkun pjuttost imsaħħab b’riħ ħafif u varjabbli, ideali għal dawk li beħsiebhom jilqgħu l-2024 waqt iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali li jsiru fil-Belt Valletta, jew inkella f’ċelebrazzjonijiet oħra mifruxa f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Intant, l-ewwel jum tas-sena l-ġdida, jiġifieri nhar it-Tnejn, mistenni li jkun ukoll ikkaratterizzat minn temp ftit jew wisq imsaħħab, b’riħ ħafif min-Nofsinhar il-Lbiċ li jsir mill-Punent il-Lbiċ aktar tard matul il-jum.
Bejn il-Ħadd u t-Tnejn, l-ogħla temperatura se titla’ sa 18°C filwaqt li matul il-lejl, it-temperatura mistennija tinżel għal 11°C.
Fil-ħarsa storika li ngħatat minn dan l-uffiċċju, it-temp mistenni għal dan iż-żmien jikkuntrasta ferm ma’ dak li esperjenzaw il-gżejjer Maltin tal-2014, meta ftit qabel it-tokki ta’ nofsilejl, it-temperatura kienet niżlet sa 2.8°C.
Fl-ewwel jiem tas-sena, partikolarment fit-tnejn u t-tlieta ta’ Jannar, ir-riħ mistenni jitqawwa xi ftit u jsir ftit qawwi mill-Punent il-Lbiċ.
Minkejja r-riħ u t-temp imsaħħab, it-temperatura mistennija tibqa’ relattivament sħuna, bl-ogħla temperatura tvarja bejn it-18°C u l-20°C, filwaqt li l-inqas temperatura tinżel għal 13°C.