- It-temp mistenni jkun bir-riħ u mhux mistennija xita;
- L-ogħla temperatura mistennija tkun 18℃; l-aktar baxxa 9℃
- Riħ moderat għal qawwi mbassar għal Jum il-Milied
Jidher li l-130,000 passiġġier li mistennija jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta matul l-istaġun tal-festi se jaslu Malta kuntenti, hekk kif se jħallu warajhom il-kesħa u l-borra biex iqattgħu l-Milied igawdu temperaturi mhux kesħin.
Skont it-tbassir tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, għall-weekend tal-Milied għandna nistennew riħ moderat għal qawwi u temp kemxejn iktar sħun minn dak tas-soltu f’dawn iż-żminijiet. Għalhekk, kull min għadu qed idur il-ħwienet għal dawk ir-rigali tal-aħħar m’għandux għalfejn jinkwieta li se jinfteħu bibien is-sema fuqu.
Il-jum tal-Ħadd huwa mistenni li jkun imsaħħab, b’temperatura li tilħaq massimu ta’ 17°C u tinżel għal minimu ta’ 13°C. Il-jum mistenni jkun ikunu kkaratterizzati minn riħ moderat għal qawwi mill-Majjistral. Riħ moderat għal qawwi mill-Majjistral huwa mbassar ukoll għal jum il-Milied, filwaqt li l-għada, huwa mbassar riħ ħafif mit-Tramuntana.
Bejn lejlet il-Milied u l-għada tal-Milied it-temperaturi mistennijin li jkunu fil-medda ta’ bejn 18°C u 9°C. Filwaqt li dan il-Milied mistenni jkun wieħed ftit aktar sħun mill-medja, l-iktar sħana li qatt kellna fil-Milied kien fl-2009, meta l-ogħla temperatura laħqet it-23.6°C; 5.5 gradi ogħla mit-temperatura mbassra għal din is-sena.
Sajf u xitwa, il-Maltin imdorrijin iqattgħu l-festi f’temp xemxi, u lkoll sirna nistennew li kif inqumu fl-għodwa tal-25 ta’ Diċembru nsibu ġurnata sabiħa qed tistenniena. Madankollu, mhux darba jew tnejn qattajna l-festi tal-Milied intertru bil-bard. Fil-fatt, l-iktar Milied kiesaħ li qatt kellna kien fl-1986, meta l-inqas temperatura niżlet għal 3.7°C.
Għal aktar aġġornamenti tat-temp, nistednuk issegwi https://www.maltairport.com/weather.
Ritratt: @massa.18