It-tieni ġurnata tal-European Team Shield Championship tal-golf li qed issir f’Liechtenstein kienet ikkaraterizzata minn temp mhux daqstant stabbli li effettwa l-andament tal-logħob.
Fil-fatt mit-tim tal-irġiel Laurens Schulze Doering u Trent Vella laħqu lestew ir-rounds tagħhom filwaqt li Andy Borg u Oliver Stuart kien għad fadlilhom ilestu l-logħob tagħhom. Eżatt kif it-temp tjieb, kompla l-logħob bit-tim maskili li spiċċa fis-sitt post fejn eventwalment lagħbu kontra Andorra għalkemm tilfu dan il-konfront.
Hekk kif m’hemm l-ebda ċans ta’ midalja, il-Maltin se jkunu qed jilagħbu sabiex jikklassifikaw bejn il-ħames u t-tmien post ma’ Liechtenstein, Albanija u s- Serbja.
Sadanittant in-nisa Maltin spiċċaw fis-sitt post minn 11-il pajjiż tant li għamluha sal-fażi eliminatorja tal-kompetizzjoni. It-tim kompost minn Filippa Schulze Doering, Laya Cristina, Elliana Buhagiar u Serena Falzon Manduca kellu skor kumplessiv ta’ +18 fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni.
Huma ġew eliminati mit-tiġrija għall-midalji fil-kwarti tal-finali kontra l-Bulgarija sabiex issa se jissieltu għall-klassifikazzjoni bejn il-ħames u t-tmien’ post ma’ Liechtenstein, l-Ungerija u l-Ukrajna.