Il-Partit Laburista sellem il-memorja tal-Professur Anthony Zammit li ħalla din id-dinja llum l-4 ta’ Novembru fl-età ta’ 67 sena.
Fi stqarrija il-Partit Laburista qal li l-Professur Zammit, li bejn l-2008 u l-2013 serva bħala deputat tal-Partit Laburista, kien bniedem li għamel unur lil pajjiżu. Fil-fatt, filwaqt li jibqa’ magħruf għas-sehem tiegħu fil-politika, l-ikbar marka li ħalla kienet permezz tal-għerf tiegħu fil-qasam mediku fejn kien magħruf ukoll f’pajjiżi oħra fil-qasam tal-kirurġija u t-tgħalim mediku. Fuq kollox eluf ta’ pazjenti huma xhieda tad-dedikazzjoni u l-ħiliet tiegħu.
Il-Professur Anthony Zammit kien bniedem intiż ħafna wkoll f’oqsma marbuta mal-kultura u l-arti. Fuq kollox kien Malti li jgħożż bil-kbir il-patrimonju ta’ pajjiżu tant li ta wkoll il-kontribut tiegħu fil-qasam tal-wirt storiku.
“Dik tal-lum hi telfa ta’ bniedem li għamel unur lil pajjiżu” qal il-Partit Laburista